Lokali Sport

Tliet atleti Maltin itemmu b’suċċess qadfa minn Malta għal Sqallija, biex iqajmu kuxjenza dwar l-obeżitá

It-tliet Maltin li qadfu lejn Sqallija, fit-tmiem tal-isfida tagħhom

Tard it-Tnejn filgħaxija, tliet atleti Maltin temmew b’suċċess sfida diffiċli ta’ saħħa u reżistenza kbira, meta permezz ta’ kayak qadfu minn San Pawl il-Baħar għal Marina di Ragusa, fi Sqallija, b’distanza ta’ madwar 100km. Bla dubju din kienet sfida atletika xejn faċli għal Karen Amato, Ruben Vassallo u Daniel Seguna, li għażlu li jagħmlu dan il-vjaġġ fuq il-baħar, mingħajr waqfien, f’ħin ta’ 16-il siegħa u nofs.

Din l-isfida, Ii kienet mibnija fuq dedikazzjoni u perseveranza kbira, kellha skop importanti, hekk kif it-tliet atleti Maltin riedu jagħmluha biex joħolqu għarfien f’pajjiżna għall-marda kronika tal-obeżitá. Sfortunatament, diversi statistiċi maħruġa fl-aħħar snin, urew biċ-ċar li pajjiżna għandu rati għoljin fejn tidħol din il-kundizzjoni ta’ saħħa fiżika. Għaldaqstant, Amato, Vassallo u Seguna, kellhom il-kuraġġ, iżda fuq kollox l-inizjattiva li mhux biss jippreparaw għal sfida li rathom jaqdfu bil-kayak minn Malta għal Sqallija, iżda jagħmlu dan l-istess vjaġġ f’inqas minn 18-il siegħa.

L-atleti Karen Amato, Ruben Vassallo u Daniel Seguna, irnexxilhom jaqdfu minn Malta għal Sqallija, f’inqas minn 18-il siegħa.

Tnejn mit-tliet atleti Maltin, Karen Amato u Ruben Vassallo, li matul il-ġurnata tat-Tnejn, qadfu madwar 100km bil-kayak minn Malta għal Sqallija.

It-tliet atleti Maltin telqu minn Malta kmieni t-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tal-4:30am minn San Pawl il-Baħar, u waslu fid-destinazzjoni finali, Marina di Ragusa, it-Tnejn fid-9pm.

Net News kien qed isegwi il-vjaġġ atletiku ta’ Amato, Vassallo u Seguna, u mal-wasla tagħhom fi Sqallija, fil-presenza ta’ numru żgħir ta’ familjari u ħbieb tagħhom, it-tlieta li huma dehru eżawriti wara sfida tant diffiċli, iżda fl-istess waqt sodisfatti u kuntenti li kienu għadhom kemm temmew b’suċċess din l-isfida.

L-atleti Maltin telqu minn San Pawl il-Baħar, kmieni t-Tnejn filgħodu, għall-ħabta tal-4:30pm u waslu Marina di Ragusa, fl-istess ġurnata, għall-ħabta tad-9pm.

F’dawn l-aħħar xhur, it-tliet atleti Maltin impenjaw ruħhom bis-sħiħ għal din l-isfida, b’mira li l-ġest sportiv tagħhom iwassal għar-riżultat mixtieq, ċioé dak li tkompli titqajjem kuxjenza dejjem akbar f’Malta dwar il-problema dejjem tikber tal-obeżitá, speċjalment fost dawk ta’ etá żgħira.

Net News jieħu din l-opportunitá sabiex jifraħ lil Amato, Vassallo u Seguna ta’ din l-inizjattiva, u jawgura li din l-isfida li ntemmet b’suċċess, tassew tkompli tqajjem għarfien biex nindirizzaw b’aktar serjetá l-marda kronika tal-obeżitá.