Ftit jiem qabel l-ippjanata serqa bl-armi li falliet fl-HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010, Alfred Degiorgio ingħata l- pjan ta’ kif se titwettaq is-serqa u sett ta’ ċwievet foloz f’appartament fi Fleur de Lys fil-preżenza tal-eks ministru Chris Cardona u l-ministru sedenti Carmelo Abela.
Dan kien dak li allega d-deputat tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi meta xehed fil-Qorti f’kawża ta ’libell li Abela ppreżenta kontrih, wara li fuq post ta’ Facebook, Azzopardi allega li l-Ministru kien marbut mal-allegat ‘hold-up’ li falla. Dan kollu huwa qal huwa bbażat fuq informazzjoni li nġabret minn “sorsi professjonali u tal-pulizija.”
Azzopardi qal li Vince Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu”, li ammetta li kien wieħed mill-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia, kien ipprovda informazzjoni dettaljata dwar reati oħra biex isostni t-talba tiegħu għal maħfra presidenzjali. Dik l-informazzjoni kienet tinkludi dettalji dwar il-ġranet li wasslu għall-attentat ta’ serqa tal-2010, meta Muscat iddikjara li kien hu li saq lil Alfred Degiorgio, l-allegat qattiel ieħor fil-qtil ta’ Caruana Galizia, lejn appartament ta’ Fleur de Lys tal-avukat David Gatt.
Degiorgio, liebes balaclava, kien ingħata il-pjan, li jinkludu filmati u ċwievet foloz għall-bini tal-bank matul dik il-laqgħa, xehed Azzopardi. L-eks ministru Chris Cardona u l-ministru preżenti Abela kienu t-tnejn preżenti f’dik il-laqgħa, Muscat kien allegatament qal lill-investigaturi kriminali.
L-istqarrija ta’ Azzopardi dehret tqajjem reazzjoni mill-Ministru Abela waqt li kien qiegħed fl-awla ftit passi‘ l bogħod mix-xhud. Iżda r-reazzjoni tiegħu ma għaddietx inosservata mill-Maġistrat li qed tippresjedi l-każ, Rachel Montebello. “Tidħakx, Ministru,” hija qaltlu.
Azzopardi kompla jallega li Cardona sussegwentement kien ġie arrestat, billi bbaża dak li kien qedd jgħid fuq l-istess sorsi. Id-Deputat Nazzjonalista qabel kien tkellem bl-istess mod fil-Parlament. “Il-fatt li il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo arresta lil Cardona fis-sigħat eżatt wara l-attentat ta’ hold-up huwa sinifikanti.
F’pajjiż normali, ma jiġrux dawn l-affarijiet u jibqa’ kollox l-istess,”qal Azzopardi. “Forsi għalik huwa normali imma għalija, li jkollok membru tal-kabinett involut f’affarijiet bħal dawn huwa inaċċettabbli,” żied jgħid, u hu indirizza l-avukat ta’Abela.
Id-Deputat tal-PN innota li kien poġġa l-kumment ta’ Facebook li qanqal dan il-każ ta’ libell wara li l-Ministru kellu daħal fl-affarijiet personali tiegħu. “Nippreferi nkun akkużat fuq il-kwistjoni tal-qabar ta ‘Kristu – għalkemm dan mhux minnu – milli nkun implikat ma’ dan il-ħmieġ kollui,” irrimarka Azzopardi.
L-Avukat ta’ Abela, Pawlu Lia ippressa lil Azzopardi biex jiżvela aktar. “Int għedt li Abela kien kompliċi. Allura min kien il-moħħ? ” Lia ppersista. Azzopardi qal li l-kliem fi ħdan iċ-ċrieki kriminali kienet li kien hemm iktar minn moħħ wieħed wara l-attentat ta ’serqa, iżda li l-ewlieni kien Cardona, b’Gatt iservi bħala l-middleman.
“Jingħad li Cardona kien il-moħħ mhux biss f’dan il-hold-up iżda f’żewġ reati oħra,” żied jgħid. Azzopardi argumenta li l-Ministru kien naqas milli joħroġ stqarrija pubblika fejn ċaħad l-allegazzjonijiet magħmula minn Muscat u l-aħwa Degiorgio, u qal li kieku kien fiż-żarbun ta ’Abela kien ikun jagħmlilhom ukoll libell.
Lia rrimarka li l-Ministru minn dakinhar kien ippreżenta affidavit f’rekords tal-kawża ta ‘libell, u ċaħad l-allegazzjonijiet. “Allura bbażajt l-opinjoni tiegħek fuq il-fatt li huwa ma għamilx ċaħda pubblika tal-allegazzjonijiet,” staqsa Lia. “Sakemm jippreżenta libell kontra d-Degiorgios.”
Azzopardi ipprova jwieġeb qabel ma ġie interrott mill-mistoqsija segwenti tal-avukat Lia. “Allura tikkonferma dak li ktibt, li għedt li Abela kien kompliċi billi ta filmati u ċwievet foloz lill-moħħ tar-reat?” Staqsa Lia. “Tpoġġix kliem f’ħalqi,” irribatta Azzopardi.
Ġie ddikjarat b’mod persistenti fi ħdan iċ-ċrieki kriminali li Cardona u Ministru sedenti kienu involuti fis-serqa falluta u l-uniku Ministru, li kien jaħdem fil-bini tal-bank dak iż-żmien, għalhekk dak li kellu aċċess għall-post, kien Abela, qal Azzopardi, li baqa’ konsistenti fl-argumenti tiegħu.
Il-bqija tax-xhieda tiegħu saret wara bibien magħluqa biex jissalvagwardja s-sorsi tax-xhud. Il-każ ikompli f’Settembru. L-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Azzopardi filwaqt li Avukat Luciano Busuttil qed jidher ukoll għall-Ministru Carmelo Abela.
//= $special ?>