Lokali

Chris Peregin jingħaqad mal-PN

“Malta teħtieġ gvern alternattiv li jissodisfa l-aspirazzjonijiet tan-nies” – huwa dan il-messaġġ li wassal Chris Peregin, fundatur u Kap Eżekuttiv tas-sit Lovin Malta, meta ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jifforma parti mill-istrateġija għall-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Chris Peregin qal li hu mhux Nazzjonalist akkanit, iżda Malti li għandu interess naturali lejn id-demokrazija. Huwa qal li għamel żmien meta kien ivvota lill-Partit Laburista, iżda llum is-sitwazzjoni titlob xi ħaġa differenti. Peregin kompla li m’hemmx aktar żmien x’nitilfu, aktar ma surveys jinbiddlu malajr, aktar u aktar il-pajjiż jibda jieħu r-ruħ u jsib bilanċ fid-demokrazija.

Fuq Facebook, fl-ewwel kummenti tiegħu, Peregin saħaq li l-PN dejjem kien fl-aqwa tiegħu meta ħadem flimkien biex jibni viżjoni ambizzjuża għal Malta u saħaq li ħadd m’għandu jiġi eskluż minn dan il-proċess, kemm jekk liberali jew konservattiv, żgħir jew anzjan, ħaddiem jew sid ta’ negozju, xi ħadd li ma jinteressaħx fil-politika tal-partit jew li fil-passat ivvota għal partit differenti. Hu saħaq li iktar ma jkun hemm diversità, iktar aħjar, għax il-PN qiegħed hemm biex iżid il-valur għan-nazzjon kollu.

Chris Peregin kompla jispjega li naturalment se jkun hemm oqsma li fuqhom ma jaqbilx, iżda saħaq li dik hija parti b’saħħitha u naturali tal-politika. Hu saħaq li issa minflok ma jikkritika biss, se jidħol f’dibattitu onest, miftuħ u intern “u fl-aħħar mill-aħħar, se nbaxxi ruħi għal dak li jiddeċiedi l-partit u l-mexxej tiegħu, għax hemm kawża li hija akbar mill-opinjonijiet tiegħi.”

Peregin, li temm il-post tiegħu b’messaġġ lil min irid ikun parti mill-bidla li għandu bżonn pajjiżna fejn stqarr li “inti tista’ tkun il-bidla li trid tara”, se jkun qed jirriżenja mill-irwol tiegħu ma’ Lovin Malta u jassumi l-irwol il-ġdid tiegħu mal-PN fil-ġimgħat li ġejjin.