Huma 218-il każijiet ġodda li nstabu bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, dan hekk kif issa l-każijiet attivi telgħu għal 1,000. Minn dak li ħabbar il-Ministeru ħareġ li fl-aħħar sigħat ma fieq ħadd mill-virus, bl-ammont ta’ każijiet li pajjiżna ra mis-sena li għaddiet ‘l hawn huma 31,612.
Interessanti l-fatt illi l-każ li għamel referenza għalih il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne it-Tlieta ma jidhirx fiċ-ċifri mħabbra, bl-ammont ta’ mwiet baqa’ dak ta’ 420 – fatt illi kompla tefa’ dubji dwar kemm fir-realtà dan kien każ ta’ Covid.
S’issa ngħataw 711,973 tilqima, u 352,523 persuna huma mlaqqmin kompletament.
L-Editorjal ta’ The Malta Independendent tenna li s-sitwazzjoni telqet minn idejn il-Gvern, hekk kif erġajna qed naraw numri li konna qed naraw f’Marzu li għadda. Infatti kien ilu ma jkollna ‘l fuq minn 200 każ sa minn Marzu ta’ din is-sena.
L-Editorjal kompla li l-inċertezza u l-u-turns fil-konfront tal-istudenti barranin ma għenu xejn, apparti l-fatt li pajjiżna issa qed jidher ikrah minħabba d-deċizzjonijiet ħżiena tal-Gvern, b’ommijiet Taljani jikkritikaw fil-midja Taljana il-mod li bih uliedhom kienu trattati f’Malta.
Intqal ukoll li pajjiżna issa qed jeraq lejn it-tielet mewġa, bil-varjant Delta mhux jgħin is-sitwazzjoni. Kompla li qabel konna qed nibżgħu li jaf ikun hemm piż kbir fuq il-ħaddiema tas-saħħa f’pajjiżna, sa issa kollox baqa’ miexi sew… iżda jekk is-sitwazzjoni tibqa’ sejra hekk, is-settur tas-saħħa jaf jasal f’punt fejn ma jkunx jista’ jiflaħ aktar.
L-editorjal għalaq ukoll b’appell hekk kif talab lil Professur Charmaine Gauci biex tibda twassal il-bullettini tas-saħħa, minn tal-anqas darba f’ġimgħa, għax il-poplu jeħtieġ li jkun infurmat.
Intant fl-aħħar sigħat ġie ppublikat avviż legali li juri tibdil fir-restrizzjonijiet li kienu daħlu dwar min jista’ jidħol f’Malta minn barra l-pajjiż.
Passiġġieri mhux imlaqqma li jiġu minn pajjiżi fil-lista ‘amber’, li jinkludu l-istati kollha tal-UE, jistgħu jidħlu f’Malta iżda jridu jagħmlu PCR test u anke kwarantina. Tfal taħt it-12 il-sena u persuni li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin għal raġunijiet ta’ saħħa jistgħu jingħataw permess biex ma jagħmlux perjodu ta’ kwarantina iżda jrid ikollhom ukoll negattiv tal-PCR maħruġ mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla.
Din il-miżura tapplika wkoll għal Maltin, Għawdxin u persuni li jgħixu f’pajjiżna u li għal xi raġuni ma ġewx imlaqqma. Madanakollu ma tapplikax għal dawk li kienu ibbukkjaw it-titjiriet tagħhom qabel ma l-miżura tħabbret il-Ġimgħa li għaddiet meta l-Ministru tas-Saħħa ħabbar li f’Malta setgħu jiġu biss persuni li għandhom ċertifikat validu tal-vaċċin.
Kien filfatt it-Tnejn li għadda, meta l-Kummissjoni Ewropea qajmet tħassib dwar il-projbizzjoni tal-Gvern Malti. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Fearne ddefenda din id-deċiżjoni. Il-Ministru qal li f’dan l-istadju mhux jippjana li jżid aktar restrizzjonijiet sakemm in-numru ta’ pazjenti fl-isptar jibqa baxx.
//= $special ?>