Kultura Lokali

“Għal Għonq it-Triq”: il-ktieb b’ġabra ta’ tagħrif dwar it-toroq tal-Imsida

Il-ktieb “Għal Għonq it-Triq”, miktub minn Liliana Risiott Copperstone, hu pubblikazzjoni ġdida li tiġbor fiha tagħrif interessanti dwar l-isem ta’ kull triq fl-Imsida, inklużi dawk fis-Swatar li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta’ din il-lokalità.

Il-ktieb hu ddedikat lil dan ir-raħal, meqjus bħala wieħed mill-eqdem f’pajjiżna, li mal-milja tas-snin kompla jżid l-importanza tiegħu minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu fir-Reġjun taċ-Ċentru ta’ Malta, mal-kosta tal-grigal.

Sa mill-eqdem mapep eżistenzi, l-Imsida dejjem kienet inkluża. Fiż-żmien kienet tissejjaħ Miside jew Misida,fost ħafna spekulazzjonijiet dwar it-tifsira tal-isem. Wieħed mill-aktar miti popolari marbutin mal-isem tal-lokalità hi li dan ġej mill-kelmiet Omm Sidna minħabba d-devozzjoni kbira lejn il-Madonna, filwaqt li teoriji oħrajn jinsistu li l-isem ġej mill-Għarbi u li jfisser Dar is-Sajjieda.

Ir-raħal, li jmiss mal-kosta tal-grigal, għandu għeruq ta’ villaġġ tas-sajjieda, mibni f’wied bil-fenomenu li meta l-ilma ġieri kien jinżel mit-tramuntana ta’ Malta, meta jasal l-Imsida, kien isir ħaġa waħda mal-baħar. Iżda maż-żmien, l-Imsida kibret u l-baħar tbiegħed meta gvernijiet differenti radmu l-baħar biex kabbru l-art.

Leġenda oħra tgħid li sajjieda li taqgħu ma’ maltempata kbira fuq il-baħar talbu lill-Madonna biex issalvahom u b’ringrazzjament, ħaffru fil-blat biex għamlu Kappella u ddedikawha lill-Madonna.

Biż-żmien, l-Imsida kibret u miz-zona magħrufa bħala Il-Menqa infirxet għal zoni oħrajn, kif nafuhom illum. L-iżvilupp tal-Imsida ġab miegħu l-bini u l-ftuħ ta’ numru kbir ta’ toroq, tant li llum, l-Imsida għandha b’kollox madwar mitt triq, li fil-maġġoranza assoluta tagħhom huma residenzjali.

Meta l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, fl-2019, nediet skema ta’ fondi għal inizjattivi kulturali u soċjali mill-fondi tal-Aġenzija LESA, il-Kunsill Lokali tal-Imsida ra li b’dawn il-finanzjamenti jkun ippubblikat ktieb f’forma ta’ reġistru tat-toroq kollha tal-lokalità bl-ismijiet u bit-tifsiriet tagħhom, kif ukoll bl-istorja marbuta magħhom.

Din il-pubblikazzjoni kienet ippreżentata għall-ewwel darba l-Ġimgħa li għadda, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Imsida, li jitfakkar il-ġimgħa ta’ qabel il-Festa tal-lokalità, b’risq San Ġużepp. Fl-okkażjoni kien spjegat li fil-ktieb huma spjegati toroq imsemmija għall-karozzin u għall-Għajn tal-Ħasselin, iżda wkoll għal personaġġi li ħallew impatt kbir, mhux biss fl-Imsida iżda f’Malta kollha, bħal Dun Karm, Oscar Zammit, Emvin Cremona, Johnny Catania u Ġemma Portelli.

Fi stqarrija, Liliana Risiott Copperstone stiednet lil kulħadd għal mixja triq triq madwar l-Imsida, li għandha tħalli lill-qarrej sodisfatt dwar l-oriġini tal-persunaġġ jew l-oġġett li għalih hi msemmija t-triq. Il-proġett sar bil-kontribuzzjoni tal-Professur Raymond Mangion, li għen fil-ġabra ta’ dan it-tagħrif.

Il-ktieb għandu l-qoxra ddisinjata mill-awtriċi stess u qed jitqassam b’xejn lir-residenti Misidjani mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali.