Wara li l-Gvern ħa diversi deċiżjonijiet immaturi u bla viżjoni, huwa ċar li bin-numru ta’ każi tal-COVID-19 jitilgħu b’ritmu xokkanti, il-Gvern qed jitlef il-kontroll u m’għandux viżjoni.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-vouchers ta’ €300 messhom ingħataw biss lit-turisti vvaċċinati bħala inċentiv u mhux lil kulħadd u l-ftuħ tas-settur turistiku ried ikun aktar kawt.
Il-PN mhux qiegħed hemm biex jikkritika biss. Issa li għandna sitwazzjoni daqshekk serja f’idejna frott ta’ deċiżjonijiet immaturi, il-Gvern għandu:
- Jassigura nfurzar ferm aktar strett fil-portijiet, kif insistejna diversi drabi oħra tul din il-pandemija.
- Jassigura contact tracing rigoruż.
- Jindirizza s-sitwazzjoni tal-istudenti tal-Ingliż li nqabdu Malta wara li kien il-Gvern stess li nkoraġġihom jidħlu
L-istqarrija tkompli tgħid li l-istudenti li m’humiex ivvaċċinati issa m’għandhomx skola fejn imorru. Dan ifisser li għandna eluf ta’ studenti li qed iduru minn post għall-ieħor u mhux miġburin f’post wieħed.
L-iskejjel tal-Ingliż m’humiex il-problema, imma jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni. Il-Gvern għandu jaċċetta t-talba tal-iskejjel tal-Ingliż biex jiftħu biss għal studenti ivvaċċinati. Għandu wkoll jassisti lill-istess skejjel li lesti li joffru t-tagħlim online imma l-Gvern qed iħallihom ifendu għal rashom.
Il-Partit Nazzjonalista jappella biex il-poplu kollu jkun viġilanti f’dan il-mument delikat li qed jara l-ħidma u s-sagrifiċċju ta’ dawn l-aħħar xhur tisfuma fix-xejn għad-detriment ta’ saħħet il-poplu, tal-impatt fuq l-ekonomija u t-telf tal-impjieg ta’ eluf ta’ persuni.
//= $special ?>