Futbol Sport

Gżira ottimisti li se jgħaddu għat-tieni round tal-Conference League

Għada, fis-Centenary Stadium, Gżira United se jaffrontaw lil Sant Julia fit-tieni leg tal-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-Conference League. Gżira se jkun qed jħarsu li jiksbu rebħa f’darhom wara li l-ewwel leg f’Andorra intemm fi draw ta’ 0-0.

Fil-kummenti tiegħu lill-media, il-kowċ ta’ Gżira Darren Abdilla qal li din se tkun partita delikata kontra tim ligħamel progress kbir fl-aħħar snin. Minkejja dan Abdilla saħaq li t-tim tiegħu jinsab preparat biex jirbaħ din il-partita, anke jekk jemmen li t-tim għadu ma laħaqx l-aqwa forma tiegħu fiżikament.

Mistoqsi minn netnews fejn jara li Gżira jistgħu jirbħu l-partita t’għada, Abdilla saħaq li minkejja li Sant Julia huma kemxejn aktar b’saħħithom fiżikament, fuq livell tekniku u tattiku Gżira huma superjuri għall-avversarji. Il-kowċ ta’ Gżira qal li fl-ewwel leg it-tim tiegħu irrispetta żżejjed lit-tim minn Andorra, iżda fil-partita t’għada se jkunu aktar agressivi biex jiksbu r-riżultat mixtieq.

Mal-kowċ Darren Abdilla, indirizza l-media wkoll il-captain Steve Borg, fejn saħaq li l-fatt li se jilgħabu f’pajjiżna se jkun vantaġġ għat-tim Malti.

Dwar il-kundizzjoni ta’ Maxwell Maia, li weġġa’ l-kustilji kif ukoll ntilef minn sensih wara li ħabat mal-goalkeeper avversarju fl-ewwel leg, Abdilla qal li illum kienet biss it-tieni sessjoni ta’ taħriġ mill-injury, bid-deċiżjoni finali dwaru, mistennija tittieħed ftit sigħat qabel il-partita t’ għada.

UEFA CONFERENCE LEAGUE

Tieni Leg : Gżira v Sant Julia 8:00pm (Centenary Stadium)