Lokali

Il-Fondazzjoni Lisa Maria tappella għal tibdil fil-liġi

Il-Fondazzjoni Lisa Maria kienet ilha tinsisti biex l-istituzzjonijiet kollha li jimpjegaw persuni li għandhom il-kustodja tat-tfal jingħataw aċċess aktar faċli għar-Reġistru ta’ min jabbuża mill-minorenni. Il-ħolqien ta’ dan ir-Reġistru kien meħtieġ, anke biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini li jobdu l-liġi jiġu mħarsa minn persuni li kisru l-liġi. Madankollu, fi stqarrija, din il-fondazzjoni saħqet li huwa pjuttost diffiċli li persuna jkollha aċċess għal dan ir-reġistru, u hija għalja u diffiċli biex il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jużawh meta jwettqu d-diliġenza qabel jingħata impjieg.

Ir-Reġistratur tal-Qorti Ċivili jieħu ħsieb dan ir-Reġistru u biex organizzazzjoni jew min iħaddem jagħmel użu minnu, jridu jippreżentaw applikazzjoni quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili permezz tal-avukat tagħhom. L-applikazzjoni tintbagħat lill-Avukat Ġenerali fejn sussegwentement, imħallef jiddeċiedi jekk għandux jingħata permess lir-Reġistratur tal-Qorti biex jiċċekkja r-reġistru għall-ismijiet sottomessi u biex jinforma lill-applikanti bir-riżultat tat-tfittxija. Dan il-proċess twil huwa ineffiċjenti speċjalment meta r-reklutaġġ ta’ ħaddiemajeħtieġ li jiġi kkonfermat fi żmien qasir.

Il-Fondazzjoni Lisa Maria saħqet li l-liġi għandha tinbidel biex tħares l-interessi tat-tfal u ż-żgħażagħ għaliex il-protezzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ għandha tkun l-ikbar prijorità.