Lokali

L-aħwa Ta’ Maksar jerġgħu jagħmlu talba għall-ħelsien mill-arrest

L-Erbgħa filgħodu hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, Jamie Vella, u George Degiorgio, magħruf bħala ċ-Ċiniż, akkużati bil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015 u tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2017, l-akkużati, Adrian u Robert Agius, għamlu t-talbiet tagħhom għall-ħelsien mill-arrest.

Robert Agius u Jamie Vella huma akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, filwaqt li l-erba’ irġiel huma akkużati bil-qtil ta’ Chircop. Adrian Agius huwa akkużat ukoll li kkummissjona l-assassinju ta’ Chircop.

L-Avukat Alfred Abela insista li l-prosekuzzjoni ma kellhiex iktar xhieda x’tippreżenta u huwa inġust li l-akkużat, Adrian Agius jibqa’ jinżamm taħt arrest. L-Avukat difensur ppreżenta xhud femminili, li isimha ma jistax jiġi ppubblikat, fejn qalet li hija lesta taġixxi bħala garanti għal Adrian Agius.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, waqt li insistiet li f’każijiet li jinvolvu kriminalità organizzata, hemm il-biża’ li l-evidenża tista’ tiġi influwenżata u minħabba l-vjaġġi estensivi ta’ Robert Agius barra l-pajjiż, hemm il-biża’ li jista’ jaħrab mill-pajjiż.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, li qed tippresjedi l-każ, ser tagħti sentenza rigward il-ħelsien mill-arrest ‘il quddiem.