Coronavirus Lokali Turiżmu

“L-iskejjel tal-Ingliż mitlufa… 2,000 impjieg jinsabu f’riskju” – FELTOM

“L-għeluq f’daqqa u sfurzat tas-settur tefa’ lill-iskejjel ta’ l-Ingliż f’paniku sħiħ… l-impjiegi ta’ madwar 2,000 impjegat dirett għandhom jingħataw prijorità assoluta mingħajr dewmien.”

Fi stqarrija maħruġa mill-Federazzjoni tat-Tagħlim tal-Ingliż, il-FELTOM intqal li wara laqgħa li kellhom ilbieraħ mal-Gvern, l-iskejjel ta’ FELTOM għadhom qed jistennew bil-ħerqa tweġiba mill-Gvern fir-rigward tar-riżultat ta’ din l-istess laqgħa.

F’din il-laqgħa FELTOM ippreżentat lista ta’ suġġerimenti dwar kif lesta taħdem id f’id mal-gvern biex tittratta din il-kriżi fejn fost l-oħrajn ikun żgurat li l-istaff u l-istudenti kollha jkunu protetti kontra t-tixrid tal-virus fost l-istudenti u l-kumplament tal-komunità. Li l-istudenti adulti mlaqqma jitħallew ikomplu jitgħallmu u jsegwu l-korsijiet tagħhom fl-iskejjel mingħajr aktar posponiment. FELTOM qalet ukoll li għandu jingħata pakkett ta’ salvataġġ biex jitħarsu l-2,000 impjieg li jiddependu fuq din l-industrija sabiex tibqa’ ħajja. Barra minhekk, FELTOM tixtieq tara kif l-aħjar taħdem mal-Gvern biex dak li jista’ jkun diżastru għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, jinbidel f’opportunità li ttejjeb mhux biss lis-settur iżda l-industrija turistika tal-pajjiż kollu.

L-istqarrija tkompli tgħid li minbarra l-fatt li FELTOM tħoss li l-industrija qed tkun użata bħala “scapegoat”, il-membri tagħha issa jistennew bil-ħerqa tweġiba mill-Gvern li sa lbieraħ kien għadu ma ta l-ebda garanzija konkreta lejn treġġigħ lura ta’ dak li kien diżastru komplet.

Wara li fetħu l-bibien tagħhom f’Ġunju li għadda, l-iskejjel tal-Ingliż ħadmu bla heda biex jimmaniġġjaw in-numri li kienu akbar milli stennew, iżda issa qed jiffaċċjaw diversi realtajiet fosthom 15,000 kanċellazzjoni ta’ bookings minn meta tħabbret id-deċiżjoni nhar il-Ġimgħa li għadda. Konsegwenza ta’ dan se jkun hemm telf fid-dħul ta’ madwar €36 miljun għall-iskejjel kif ukoll telf ta’ impjiegi marbuta direttament jew indirettament mal-industrija.

Apparti dan se jkun hemm ukoll likwidazzjoni kompleta ta’ kumpaniji u t-tkissir ta’ industrija li ilha tinbena għal dawn l-aħħar 58 sena, ħsara irreparabbli għar-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta u diskriminazzjoni lejn settur wieħed tal-ekonomija tat-turiżmu b’deċiżjoni preġudikata. Dan kollu qed iwassal għal ħsara għar-reputazzjonali ta’ Malta u għall-industrija turistika tagħha

Kelliem għall-FELTOM qal li Malta għadha kemm iddeċidiet li tibda tilqa’ nies mhux imlaqqma, avolja b’perjodu ta’ kwarantina ta’ 14-il jum! U madankollu, il-pajjiż se jkompli jiddiskrimina kontra studenti adulti tal-lingwa Ingliża mlaqqma li mhumiex qed jitħallew jidħlu fl-iskejjel tagħhom – dawk li bħalissa jinsabu f’Malta, u dawk li għad iridu jaslu. Dan kollu huwa surreali, speċjalment meta wieħed iqis li l-istess Gvern għadu kemm iddikjara li l-iskejjel kollha qed ikunu kompletament konformi mal-protokolli tas-saħħa kif imposti mill-Gvern qabel ma l-iskejjel kienu tħallew jerġgħu jinfetħu.

Wara li segwiet il-linji gwida u l-protokolli kollha maħruġa mill-Gvern, FELTOM tħoss li l-iskejjel tal-lingwi spiċċaw akkużati b’mod inġust minħabba deċiżjoni unilaterali meħuda mill-ogħla awtoritajiet dwar kif infetħet l-industrija turistika f’Ġunju li għadda.

Barra minn hekk, FELTOM u l-organizzazzjonijiet membri tagħha issa ma fadlilhom xejn għajr li jkomplu jistennew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet u s-soluzzjonijiet imressqa minnhom.