L-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia llum fil-parlament għamel dikjarazzjoni dwar dak li seħħ fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika lbieraħ meta, minħabba nuqqas ta’ qbil bejn il-membri tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, hu abbanduna l-laqgħa.
Il-laqgħa tal-bieraħ kompliet tiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler dwar il-każ tad-deputat Laburista Rosianne Cutajar dwar senserija bl-involviment ta’ Yorgen Fenech.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li hu kien ħa l-pożizzjoni tiegħu biex tkompli d-diskussjoni fil-kumitat u sostna li għamel kull tentattiv biex ikun hemm qbil iżda l-Oppożizzjoni nsistiet li ma jixhidx biss il-Kummissarju tat-Taxxi. Hu qal li l-Kumitat ma setax jilħaq qbil dwar min għandu jitla’ jixhed tant li kien hemm diżordni kbir fil-kumitat minkejja numru ta’ talbiet mill-Ispeaker.
Anġlu Farrugia qal li b’dispjaċir kellu jissospendi l-laqgħa tal-kumitat u sostna li flok ipprovaw isibu soluzzjoni, il-membri (tal-Oppożizzjoni) irrikorrew għall-kworum fil-parlament. Is-Sedja se tkun qed tavviċina lill-membri tal-Kumitat biex tipprova tlaqqa’ lill-kumitat biex id-diskussjoni tkompli.
//= $special ?>