Lokali

“L-unika triq ‘l quddiem hija li naħdmu flimkien” – Bernard Grech

“L-unika triq ‘l quddiem hija li naħdmu flimkien. Kulħadd għandu valur, int għandek valur u int tista’ tagħti valur aħjar lil dan il-pajjiz.” – Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien qed jindirizza t-tieni sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Nemmnu fik. Fiduċja f’Malta’.

Tul din it-tieni sessjoni li saret fil-Pjazza tal-Qrendi, Bernard Grech wieġeb għad-diversi mistoqsijiet ta’ dawk li kienu preżenti, mistoqsijiet li kienu jittrattaw diversi suġġetti differenti li jolqtu b’mod dirett lil Maltin u l-Għawdxin kollha.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-COVID-19 f’pajjiżna fejn in-numri reġgħu bdew jiżdiedu, il-Kap tal-PN fakkar li l-PN sa mill-ewwel ġurnata kien kontinwament f’diskusjoni b’għaqal u għamel ukoll riċerka ta’ x’ghandu jsir f’ċirkustanzi differenti fejn saħansittra ħareġ bi proposti li jagħmlu sens. Bernard Grech fakkar kif, fost l-oħrajn, il-PN ħareġ proposti dwar kif nistgħu nirkupraw it-turizmu f’Marzu li ghadda, fejn kien qal li apparti PCR test qabel jiġi xi ħadd minn barra, hemm bżonn li jsir rapid test malli persuna tasal f’Malta. Dan għaliex ma jfissirx li jekk ma jkollokx il-virus 72 siegħa qabel, m’għandekx il-virus malli tasal f’pajjiżna. Bernard Grech qal li l-PN fehem li hu importanti li jiġu turisti ta’ kwalità u mhux niġru biss wara l-kwantità, fejn ikollok turisti li lesti jonfqu iktar u allura jkollok inqas piż fuq l-infrastruttura u inqas ċans ta’ tixrid għax ikollok inqas nies. Hu saħaq li “Dan il-Gvern jaħseb li ħadd m’għandu opinjoni tajba u ma jikkonsultax. Dan qaluħ il-korpi kostitwiti, l-artisti u oħrajn u issa anke s-sidien tal-iskejjel tal-Inglżz. Ma tax każ il-proposti tagħna u mar għal business as usual u ġabna nemmnu li għadda kollox. Il-PN qal li rridu nibqgħu attenti,u anke li rridu nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tan-nies.”

Bernard Grech qal li l-PN ma jistax ma jsemmax leħnu, “tridu tkunu konvinti li l-PN kien, għadu u għad għandu dmir li jibqa’ b’vuċi b’saħħitha. Mhux jien, jew il-kandidati u d-deputati biss imma inthom ilkoll, tridu tmorru fid-djar, fil-pjazzez, konvinti li l-messaġġ tagħna, dak li qed nipproponu jagħmel sens, dak li qed ngħidu huwa parti mis-soluzzjoni.” Hawnhekk il-Kap tal-PN wassall l-appell tiegħu biex kulħadd jibqa’ responsabbli, “ejjew ilkoll nifmhu li s-soluzzjonijiet biex pajjiżna jimxi ‘l quddem mhux propjetà tal-Gvern Laburista imma tagħna lkoll, għandna dmir li nibqgħu naħdmu u nipproponu.

Meta kien mistoqsi dwar il-proċess ta’ tiġdid fil-PN, u dwar it-tema tal-Kunsill Ġenerali, Bernard Grech qal li “rridu nibqgħu naħdmu b’entużjażmu biex anke Maltin u Għawdxin li għadhom ma twieldux ikollhom Malta aħjar.” Il-Kap tal-PN saħaq li hu jemmen f’kull wieħed u waħda minnha, f’kull Malti u Għawdxi li kull ma jrid hu li jgħix ħajja aħjar. Meta tkellem dwar it-tiġdid, Bernard Grech qal li t-tiġdid huwa proċess li ma jispiċċa qatt fejn fakkar li l-PN jrid taħlita ta’ nies ġodda ta’ kull età li jaħdmu flimkien ma’ oħrajn li ilhom is-snin jgħinu lill-partit. “Irrid partit miftuħ beraħ biex nilqgħu f’darna il kulhadd. Irridu nkissru u nwarrbu l-preġudizzju. Din hija s-sejha lil kulħadd, dan il-pajjiz mhux tan-Nazzjonalisti, tal-Laburisti jew ta’ min m’għandux partit, imma huwa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.” Hu semma kif dik li kienet maġġoranza siekta, illum qed issir il-maggoranza li ssemma’ leħinha, “għamlu kuraġġ għax dan il-pajjiż beda t-triq lejn n-normalità, irridu nibqgħu naħdmu u l-prijorità għandha tkun Malta.”

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tan-nies, Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-aħbar pożittiva li ħarġet fl-aħħar sigħat. Il-Kap tal-PN irringrazzja lil Chris Peregin talli laqa’ l-istedina tal-PN biex jaħdem favur il-futur ta’ pajjiżna. “Aħbar pożittiva, persuna li trid Malta aħjar, persuna li telqet kollox warajha biex l-ewwel tagħmel lil partit aħjar u imbgħad tagħmel lil Malta aħjar, bħal Chris Peregin li niringrazzjah, naf li hemm għexieren, hemm mijiet u anke eluf.”

Tul it-tieni sessjoni tal-Kunsill Ġenerali, il-Kap tal-PN wieġeb ukoll mistoqsijiet dwar iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-ħaddiema, il-familji, in-negozji u l-NGOs fejn semma’ kif il-PN ser jibqa’ jaħdem favur kull persuna fis-soċjetà biex kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja aħjar. Dan se jsir billi jkomplu jisma’ lin-nies u jkompli joħroġ aktar proposti konkreti matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.