Lokali

AĠĠORNATA: Reazzjonijiet mill-aktar pożittivi wara l-ħatra ta’ Chris Peregin

Huma bosta r-reazzjonijiet pożittivi li ħarġu minn diversi personalitajiet, nies fil-media u persuni oħrajn illi laqgħu tajjeb ferm il-pass ta’ Chris Peregin li jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista – turija li l-PN qed ikompli jiġġedded u jissaħħaħ.

Il-preżentatur Peppi Azzopardi, f’post fuq Facebook, jiddeskrivi lil Peregin bħala “ġenju”. U jispjega għaliex dejjem kellu suċċess kull fejn ikkontribwixxa.

“Chris Peregin ma telaqx il-Lovin Malta għax sab job aħjar jew aktar prestiġjuż. Telaq biex jingħaqad ma’ Partit illi qiegħed ħażin u donnu ma jistax jieħu r-ruħ. Telaq għax flok qagħad igerger offra ħinu, saħħtu u l-kapaċitajiet straordinarji tiegħu biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun Gvern alternattiv kif ħaqqu l-poplu li jgħix f’Malta u Għawdex”, qal Peppi Azzopardi.

Anke l-Professur Andrew Azzopardi faħħar dan il-pass ta’ Peregin. Hu kiteb, “bniedem jitlaq mill-komfort tan-negozju tas-suċċess tiegħu biex jagħti servizz lil pajjiż kif għamlu oħrajn qablu mal-partiti l-oħrajn u l-Gvern, huma kommendabbli u ta’ ġenerozita’ kbira”.

L-avukat Franco Debono wkoll kellu reazzjoni pożittiva għal din l-aħbar. “Apparti li kapaċi jaħseb, Peregin għandu esperjenza fil-media u moderat bħala persuna”. Franco Debono jgħid li din il-ħatra twassal messaġġ li issa l-partit “se jibda jaħseb”.