Sport Sport Ieħor

Suċċess għaċ-ċiklisti Maltin fil-Giro d’Italia Amatori 2021

Jason Vella rebbieħ tal-Kategorija Veterani 1 u t-tielet Overall; Marie Claire Aquilina, Luke Borg, Etienne Bonollo u Clive Ebejer runners-up fil-Kategoriji rispettivi tagħhom.

Suċċess għaċ-ċiklisti Maltin fid-9 edizzjoni tal-Giro d’Italia Amatori meta dan l-aħħar it-tim rappreżentattiv Malti ħa sehem fi tliet tiġrijiet f’Perugia fejn kisbu riżultati ferm tajbin. It-tim li kien immexxi mis-Segretarju Ġenerali tal-Federazjoni Maltija taċ-Ċikliżmu Joe Bajada kkompeta għall-ewwel ġo ciclodromo u dan kien fi Pian di Massiano (La Casa del Ciclista), ħdejn il-grawnd tal-futbol Renato Curi ta’ Perugia.

Fil-Kategorija tan-Nisa, f’kull ġurnata saru tiġrijiet fuq 20 dawra fuq distanza ta’ 500 metru u fil-ħames dawra saret l-isprint li magħha kien hemm abbonati 20 punt u dik finali b’punteġġ doppju. Hawn Marie Claire Aquilina spiċċat fit-tieni post tal-klassifika ġenerali wara r-rebbieħa Michela Giuseppina Bergozza ta’ ASD Scatenati. Aquilina spiċċat fit-tieni pożizzjoni fit-tiġrijiet tal-Ġimgha 2 ta’ Lulju, kif ukoll f’dik tal-Ħadd 3 ta’ Lulju, menti fit-tiġrija tas-Sibt 3 ta’ Lulju spiċċat fit-tielet pożizzjoni. Mill-Irġiel l-aħjar li mar kien Jason Vella li spiċċa t-tielet post fil-klassifika ġenerali Overall, Giro li kien mirbuħ minn Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike. Luke Borg spicca fir-raba’ post tal-Klassifika Ġenerali. It-tigrijiet tal-Irgiel kienu fuq l-istess sistema pero’ fuq 40 dawra. Jason Vella mbagħad rebaħ il-Kategorija tal-Veterani 1, b’Etienne Bonello jispiċċa fit-tieni post tal-istess kategorija. Luke Borg spiċċa wkoll fit-tieni post fil-Kategorija tal-Junior, bi Brandon Sultana jispiċċa fit-tielet pożizzjoni fl-istess Kategorija tal-Junior.

Pjazzamenti oħra għaċ-ċiklisti Maltin kienu: Clive Ebejer it-tieni fil-Kategorija Senior 1 u Reuben Colombo t-tielet fil-Kategorija tal-Veterani 2. Ċiklisti oħra li ħadu sehem kienu Michelle Vella Wood, Stefan Scerri, James Mifsud, Mariano Cassar u Nicholas Schembri. Bla dubju din kienet ukoll esperjenza mill-iktar utli għaċ-ċiklisti Maltin u wara waqfien pjuttost twil minħabba l-Pandemija wrew id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu fuq ir-ritmu ta’ qabel. Joe Bajada li kien imfaħħar mill-organizzaturi għal pożizzjonijiet important li jippossedi fi ħdan l-UCI u l-UEC, intagħlab biex jagħti s-sehem tiegħu biex iktar timijiet Nazzjonali ta’ Pajjiżi Żgħar jieħu sehem fl-10 edizzjoni tal-Giro li ser tinżamm fit-tieni ġimgħa ta’ Ġunju 2022 f’Gabicce Mare u Gabicce Monte f’Emilia-Romagna.

Minn naħa tiegħu Joe Bajada wiegħed li ser jagħmel ħiltu kollha f’dan ir-rigward permezz tal-Kummissjoni li huwa jippresedi fi ħdan l-Unjoni Ewropeja taċ-Ċikliżmu, filwaqt li radd ħajr lil Patron Fabio Zappacenere u t-tim kollu tiegħu għall-ospitalita’ kollha li wrew mal-kontinġent Malti. Interessanti wkoll kienet l-għotja ta’ madwar 50 kilo għaġin u affarijiert oħra tal-ikel li kienu marbuta mar-rebħ u l-pjazzamenti taċ-ċiklisti Maltin li ngħataw lil Kappillan Don Nicola Allevi tal-Parroċċa ta’ Santa Marija Assunta f’Monteluce li għandhom Oratorju tat-tfal ħdejn il-Lukanda Ilgo f’Perugia fejn kienu alloġjati. Dan il-ġest kien apprezzat ħafna mill-istess Kappillan li mhux biss raddilhom ħajr iżda wkoll awguralhom għal iktar suċċessi fil-futur.