Fl-aħħar sigħat ġie ppublikat avviż legali li juri tibdil fir-restrizzjonijiet li kienu daħlu dwar min jista’ jidħol f’Malta minn barra l-pajjiż.
Passiġġieri mhux imlaqqma li jiġu minn pajjiżi fil-lista ‘amber’, li jinkludu l-istati kollha tal-UE, jistgħu jidħlu f’Malta iżda jridu jagħmlu PCR test u anke kwarantina. Tfal taħt it-12 il-sena u persuni li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin għal raġunijiet ta’ saħħa jistgħu jingħataw permess biex ma jagħmlux perjodu ta’ kwarantina iżda jrid ikollhom ukoll negattiv tal-PCR maħruġ mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla.
Din il-miżura tapplika wkoll għal Maltin, Għawdxin u persuni li jgħixu f’pajjiżna u li għal xi raġuni ma ġewx imlaqqma. Madanakollu ma tapplikax għal dawk li kienu ibbukkjaw it-titjiriet tagħhom qabel ma l-miżura tħabbret il-Ġimgħa li għaddiet meta l-Ministru tas-Saħħa ħabbar li f’Malta setgħu jiġu biss persuni li għandhom ċertifikat validu tal-vaċċin.
Kien filfatt it-Tnejn li għadda, meta l-Kummissjoni Ewropea qajmet tħassib dwar il-projbizzjoni tal-Gvern Malti. Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Chris Fearne ddefenda din id-deċiżjoni. Il-Ministru qal li f’dan l-istadju mhux jippjana li jżid aktar restrizzjonijiet sakemm in-numru ta’ pazjenti fl-isptar jibqa baxx.
//= $special ?>