Lokali Parlament

Zammit Lewis se jmur fil-Kunsill tal-Ministri Ewropej u jirrapporta lill-Oppożizzjoni

Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ddikjara fil-parlament li nhar il-Ġimgħa li ġej se jmur fil-Kunsill tal-Ministri Ewropej u jirrapporta liill-Oppożizzjoni li m’hix tappoġġja lill-Gvern fl-emendi Kostituzzjoni li se jxekklu d-dritt tas-smiegħ xieraq.

Fid-dibattitu parlamentari dwar emenda kostituzjonali dwar il-multi imposti daqs reat kriminali mill-awtoritajiet, l-Oppożizzjoni appellat lill-Gvern biex isib soluzzjonijiet għal diversi liġijiet li kienu dikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni.

Id-deputati Nazzjonalisti Chris Said u Joe Ellis sostnew li kien obbligu tal-Gvern li wara l-2016 iressaq l-emendi neċessarji biex dan isir iżda minkejja l-insistenza tal-Oppożizzjoni, il-Gvern ma ressaqx l-emendi neċessarji. L-Oppożizzjoni qed issostni li l-multi amministrattivi, li jammontaw għal ammonti kbar, m’għandhomx ikunu imposti minn awtoritajiet li jkunu appuntati mill-ministri.

Tkellmet ukoll id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li l-Kostituzzjoni Maltija tipproteġi iktar mill-Konvenzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-importanza tas-smiegħ xieraq. Huma biss il-qrati ta’ Malta li għandhom is-salvagwardji tal-indipendenza dwar is-smiegħ xieraq. L-ebda Gvern m’għandu jaħtar persuni fl-awtoritajiet u jtihom id-dritt li jimponi dawn il-pieni kbar, sostniet Comodini Cachia.

Quddiem dawn l-argumenti, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li l-Oppożizzjoni mhix tikkopera mal-Gvern biex isaħħaħ l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet u li kien se jmur fil-Kunsill tal-Ministri Ewropew u jgħidilhom li l-Oppożizzjoni qed tirrifjuta li tikkopera mal-Gvern.