Residenti Maltin li qed jidħlu lura f’pajjiżna mingħajr ċertifikat tal-vaċċin huma obbligati li japplikaw għal permess speċjali bil-għan li jevitaw li jħallsu €1,400 biex iwettqu kwarantina f’lukanda.
Kelliema għall-Gvern spjegaw li s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika biss tista’ tiddeċiedi u tevalwa kull każ b’mod individwali bil-għan li tinħareġ awtorizzazzjoni għall-Maltin u Għawdxin li preżentament jinsabu barra l-pajjiż jistennew sabiex jirritornaw lejn djarhom.
Bosta li tkellmu ma’ Net News saħqu li jinsabu maqbudin barra l-pajjiż, fost oħrajn f’Sardinja u Bergamo fejn…minkejja li għamlu l-PCR test – xorta waħda għadhom qed jistennew l-awtorizzazzjoni speċjali…wara xejn inqas minn erbat ijiem u insistew li issa waslu fi stat ta’ paniku estrem. Oħrajn saħqu li l-każ tagħhom mhux għax ma jridux jieħdu l-vaċċin, iżda għax għadu ma kienx imisshom jieħdu t-tieni doża.
Fi stqarrija ġie spjegat li persuni li ġejjin minn wieħed mill-71 pajjiż li jinsabu fuq il-lista l-ħamra jistgħu jidħlu Malta mingħajr ċertifikat tal-vaċċin iżda għandhom bżonn juru test negattiv tal-PCR test li jkun ittieħed minn mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom.
Għaldaqstant residenti Maltin li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena huma obbligati japplikaw għal permess li jinħareġ mis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika sabiex jagħmlu l-kwarantina f’residenza alternattiva li mhux il-lukanda stabbilita…fost oħrajn ir-residenza privata tagħhom.
Kawża ta’ dawn ir-regolamenti l-ġodda nħoloq ħafna kaos u konfużjoni b’numru ta’ linji tal-ajru ma jħallux lir-residenti Maltin u Għawdxin jirkbu abbord l-ajruplan mingħajr ċertifikat tat-tilqim.
Dawk li tkellmu ma’ Net News saħqu li bħal ħniena qed jistennew l-awtorizzazzjoni biex jerġgħu jirritornaw f’pajjiżhom – b’appell wieħed, biex il-proċess jitħaffef kemm jista’ jkun.
//= $special ?>