Is-sitwazzjoni fil-ħabs tibqa’ waħda li għadha qed tqanqal ħafna mistoqsjijet.
L-aktar mewta riċenti ta’ priġuniera, dik ta’ mara żagħżugħa ta’ 29 sena li kellha l-vizzju tad-droga, reġgħet qanqlet diskussjoni dwar il-mod kif qed titmexxa din il-faċilità, u dwar it-trattament tal-ħabsin, l-aktar dawk bi problemi ta’ droga.
Il-preżentatur u opinjonista Peppi Azzopardi waqt il-programm Net Live irrefera għal din l-aħħar mewta.
“META TRESQET IL-QORTI IL–MAĠISTRAT ĦARES LEJN DIN IT-TFAJLA U QAL DIN IRRID INSALVAHA… IL-QORTI STQARRET LI DIN IT-TFAJLA GĦANDHA JKOLLHA KULL GĦAJNUNA BIEX TNAQQAS ID-DIPENDENZA TAGĦHA FUQ ID-DROGA U RRAKKOMANDAT LID-DIRETTUR TAL-ĦABS SABIEX IQIS SEWWA KULL TALBA GĦALL-GĦAJNUNA LI SSIRLU F’DAN IR-RIGWARD. QED JGĦIDLU L-MAĠISTRAT… QED JGĦIDLU HAWN. QED JGĦIDLU HAWN. QED JGĦIDLU IQIS KULL TALBA GĦALL-GĦAJNUNA LI DIN TITOLBOK”
Madankollu, jidher li dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox, hekk kif Azzopardi jinsisti li t-tmexxija tal-ħabs aġixxiet mod ieħor u żammew lill-mara maqfula minkejja t-talbiet tagħha għall-għajnuna.
“INT IBQA’ HAWN SITT XHUR ĦA DDUQ IL-ĦABS…. U ARA X’ĠARA”
Azzopardi qal li dan juri kif id-direttur tal-ħabs ma tax każ ta’ dak li qallu l-Maġistrat.
“DAN ĠIE JAQA’ U JQUM MILLI QALLU L-MAĠISTRAT LID-DIRETTUR TAL-ĦABS. ĊARA JIĠIFIERI. IL-MAĠISTRAT RIED ISALVAHA. BGĦATA HEMM U MIETET”
Peppi Azzopardi filwaqt li faħħar is-servizz impekkabli li jagħtu l-Caritas lil persuni bil-vizzju, u li kienu lesti jieħdu lit-tfajla biex jgħinuha, u ddeplora l-mod kif jiġu ttrattati mbagħad dawn il-persuni fil-ħabs
“IL-CARITAS JIMXU BL-IMĦABBA … MHUX KIF INHU L-ĦABS. IL-ĦABS HI FAĊILITÀ VENDIKATTIVA TA’ KORDIN. HEKK IRRIDU NSEJĦULHA GĦAX HEKK HI”
L-opinjonista qal li Malta hija l-aqwa fl-Ewropa fis-suwiċidji fil-ħabs, bl-ogħla rata fil-kontinent kollu.
Huwa rrefera għall-messaġġ li kien hemm imdendel fil-ħabs, u li kien iffirmat mid-direttur, li jgħid li hu x-xogħol tal-ħabs li jgħallem il-biża, u staqsa kif post li suppost huwa riformatorju, jista’ jagħmel dan b’din it-tip ta’ atitudni.
Peppi Azzopardi kkritika wkoll il-mod kif ġurnalist ma jistax jirrapporta sew dwar il-ħabs.
“GĦALFEJN MHUX QED IĦALLI LILL-ĠURNALISTI JIDĦLU FIL-ĦABS? TAF X’JAGĦMILLEK? JISTIEDNEK IMBAGĦAD JIFFILMJA HU U JTIK LI JRID HU. MELA DAK XOGĦOL JEW? MELA JIEN QED NAGĦMILLEK IL-PROPAGANDA?”
Huwa appella lill-ġudikatura, li jistgħu jidħlu l-ħabs x’ħin iridu, sabiex ikunu ċerti dwar x’inhu jiġri f’Kordin.
//= $special ?>