Il-Partit Nazzjonalista jistqarr illi l-fatt li l-emenda proposta mill-Gvern għall-Artiklu 39 tal-Kostituzzjoni m’għaddietx mill-Parlament, dan bla ebda mod ma jdgħajjef l-operat ta’ entitajiet regulatorji. Wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet illi l-Att dwar il-Kompetizzjoni jikser l-Artiklu 39 tal Kostituzzjoni ta’ Malta, il-liġi nbidlet sabiex tkun il-Qorti, u mhux l-entitá regolatorja, li timponi l-penali.
M’huwiex ċar għala Robert Abela ma jridx jimxi fuq dawn il-passi kif ssuġġeriet il-Kummissjoni Venezja fil-parir li tat fuq talba ta’ l-istess gvern. Il-Kummissjoni Venezja fil-fatt ikkonfermat ukoll illi la l-FATF u l-anqas il-Moneyval m’huma jitolbu li entitajiet regulatorji jkollhom is-saħħa li jimponu sanzjonijiet kriminali. Qalet ukoll illi regolaturi b’poteri ta’ sanzjonar iridu joffru garanzija ta’ independenza u imparzjalitá bl-istorja riċenti ta’ turi kemm l-entitajiet regulatorji Maltin qajla joffru tali garanzija. Il-Kummissjoni Venezja stqarret ukoll kwalunkwe tnaqqir tad-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin u l-Għawdxin irid isir b’kawtela u prudenza kbira.
Wara illi l-Gvern irrifjuta illi jippubblika l-korrispondenza illi għaddiet mal-FATF u injora l-appell tal-Oppożizzjoni li ssir task force nazzjonali sabiex Malta toħroġ mill-grey list, il-Gvern issa qed igħid li l-emenda kostituzzjonali li ppropona ntalbet mill-FATF. Ir-rakkommandazzjonijiet tal-FATF imkien ma jsemmu l-ħtieġa ta’ tibdil kostituzzjonali u għalhekk, dak li qed jgħid il-Gvern mhux minnu.
Minkejja li l-Gvern naqas li jiddjaloga mal-Oppożizzjoni kif talbet il-Kummissjoni Venezja, l-Oppożizzjoni hi dejjem lesta li tiddiskuti l-aħjar mod kif prattiċi abbusivi jiġu kkontrollati fir-rispett sħiħ tal-Kostituzzjoni. Id-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin u l-Għawdxin m’humiex anakronistiċi kif qal il- Ministru tal-Ġustizzja u Ugwaljanza imma huma drittijiet fundamentali għal kull wieħed u waħda minnha.
//= $special ?>