Ġew ippubblikati l-istandards għal min jidħol f’pajjiżna mingħajr ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.
Persuni mingħajr dan iċ-ċertifikat li jidħlu f’pajjiżna mil-lista ta’ pajjiżi elenkati fl-istess Avviż Legali jridu jkunu fil-pussess ta’ PCR test negattiv li jkun sar mhux iktar minn 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom f’pajjiżna.
Dan it-test għandu jiġi ppreżentat biex il-persuna titħalla titla’ abbord l-ajruplan għal Malta.
Dawn il-persuni jridu jagħmlu perjodu ta’ kwarantina mandatorja ta’ 14-il jum mal-wasla tagħhom. Din trid issir f’lukanda rikonoxxuta mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.
Tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena li għandhom residenza fissa f’Malta u li mhumiex fil-pussess taċ-ċertifikat tal-vaċċin jistgħu jagħmlu l-kwarantina obbligatorja fir-residenza tagħhom.
Persuni ta’ ‘l fuq minn 16-il sena li huma residenti Malta jistgħu ukoll jitolbu l-awtorizazzjoni tas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika biex jagħmlu l-perjodu ta’ kwarantina f’residenza alternattiva. Madankollu kull każ se jiġi deċiż fuq bażi individwali.
F’ dawn il-każijiet il-persuni li jgħixu fl-istess residenza jridu joqgħodu fi kwarantina għall-istess perjodu.
Tfal ta’ bejn il-ħamsa u l-11-il sena għandhom jippreżentaw PCR test negattiv meta jkunu akkumpanjati minn adulti li għandhom ċertifikat tal-vaċċin rikonoxxut filwaqt li dawk taħt il-5 snin jistgħu jidħlu f’Malta mingħajr il-bżonn ta’ PCR test.
Sadanittant l-avviż legali spjega li dawk il-persuni li jintalbu jagħmlu kwarantina fil-lukandi rikonoxxuti mis-Supredendent għas-Saħħa Pubblika iridu jħallsu €100 għal kull lejl, għal kull kamra, li se tinkludi kolazzjon li jisserva fil-kamra stess.
//= $special ?>