Talanqas 20 persuna tilfu ħajjithom, b’ħafna oħrajn ikunu rappurtati nieqsa wara li diversi bnadi tal-Ġermanja – fosthom id-distretti tal-punent – intlaqtu minn għargħar qawwi fost il-ħalbiet tax-xita kontinwi.
L-agħar effetti tal-għargħar inħassu l-aktar fl-Istat ta’ Rhineland-Palatinate, fejn għexieren ta’ persuni, fl-aħħar sigħat, kienu kostretti li jitilgħu fuq il-bjut tad-djar biex isalvaw mill-għargħar. Dan waqt li għaddejjin l-impenji tas-salvataġġ, bl-iskwadri għall-emerġenzi jikkonċentraw fuq l-inħawi li ġarrbu l-akbar impatt mill-għargħar.
Talanqas 30 persuna kienu rappurtati nieqsa fir-reġjun ta’ Eifel – iddominat mill-għoljiet – u fejn ikkrollaw numru ta’ djar.Ir-rapporti qalu li l-parti kbira tal-għargħar kienet ikkaġunata mix-Xmara Ahr li l-ilma tagħha jgħaddi lejn ix-Xmara Rhine u wara li l-livell tal-ilma tela f’daqqa u faqa’ l-artijiet lejn in-nofsinar ta’ Bonn.
Malu Dreyer, il-Kap tal-Istat ta’ Rhineland-Palatinate state, fissret is-sitwazzjoni bħala katastrofika u kkonfermat li – minbarra l-mejtin—kien hemm ammont sinifikanti ta’ persuni nieqsa u oħrajn f’sitwazzjonijiet ta’ periklu kbir.
Fl-aħħar sigħat, intant, is-servizzi tal-emerġenza kienu qed jistinkaw biex jimminimizzaw il-periklu għar-residenti, waqt li l-ħelikopters tal-pulizija, flimkien ma’ taqsimiet tal-Armata, ukoll spiċċaw involuti fl-impenji ta’ fejda.
L-awtoritajiet, issa, ordnaw l-għeluq ta’ xi skejjel, bis-sitwazzjoni tikkaġuna kaos u konfużjoni anki għas-servizzi tat-trasport mill-art u għall-iskedi tal-ferrovija, lejn il-Punent tal-Ġermanja u l-madwar.
//= $special ?>