Sport Sport Ieħor

Luca Vella u Sarah Demicoli rebbieħa tat-tielet tellieqa tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water Swimming

Luca Vella u Sarah Demicoli reġgħu ħarġu rebbieħa tal-kategoriji rispettivi tagħhom fit-tielet tellieqa tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water Swimming. It-tellieqa ta’żewġ kilometri reġgħet saret f’Salina fost protokolli stretti ta’ Covid-19.

Vella u Demicoli prattikament għawmu flimkien għall-parti l-kbira tat-tellieqa, b’Vella joħloq distakk żgħir bejnu u Demicoli fl-aħħar ftit metri. Vella temm it-tellieqa f’26 minuta 8 sekondi filwaqt li Demicoli spiċċat ħdax-il sekonda warajh. Il-ħin ta’26:19 kien l-aħjar ħin ta’ Demicoli f’dan il-kampjonat.

Fil-kategorija tal-irġiel, żewġ persuni ġodda ħadu l-unuri fit-tieni u t-tielet post. Caine Schembri u Alistair Cook temmew it-tellieqa f’26 minuta 59 sekonda u 28 minuta 37 sekonda rispettivament.

Fil-kategorija tan-nisa, Maya Schembri Rodgers kompliet bil-prestazzjoni konsistenti tagħha u reġgħet kisbet it-tieni post. Il-ħin ta ’Schembri Rodgers ta’ 27 minuta 40 sekonda kien l-aħjar ħin s’issa dan l-istaġun. Fit-tielet post spiċċat Nirvana Micallef li spiċċat fi 28 minuta 16 sekonda.

Ir-raba tellieqa ta’ 2 kilometri tal-Kampjonati Garmin BSJ Open Water Swimming se ssir nhar l-Erbgħa 21 ta’Lulju fis-sitta ta’ filgħaxija.