Il-Partit Nazzjonalista u l-Forum Marittimu Malti qasmu pożizzjoni komuni meta tkellmu dwar il-ħtieġa li tingħata importanza ferm u ferm aktar lis-settur tal-baħar f’pajjiżna.
Dan il-qasam, li jimpjega b’mod dirett miegħu madwar 12,000 persuna, u għexieren ta’ eluf oħra b’mod indirett, minn dejjem tqies bħala kruċjali għall-Partit Nazzjonalista, li fost l-oħrajn fetaħ il-port ħieles. Proġett li mhux biss ħoloq eluf ta’ impjiegi iżda li jiġġenera qligħ kbir lill-pajjiż.
Il-President tal-Forum Marittimu l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon ippreżenta l-proposti tal-forum sabiex pajjizna jsir Ċentru Marittimu, xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista tkellem dwarha fl-aħħar ġimgħat ukoll.
Il-Forum sostna li pajjizna huwa dipendenti fuq il-baħar u li din hija industrija li mhux biss hija importantii strateġikament, iżda anke anke ekonomikament.
Skont il-Forum, kull wieħed mit-12,000 persuna li taħdem f’dan il-qasam tiġġenera medja ta’ €72,000 fis-sena fl-ekonomija tal-pajjiż, u li dan is-settur jikkontribbwixxi għal 25 miljun ewro f’taxxa diretta fil-kaxxa ta’ Malta.
Il-Forum ikkritika bil-qawwa il-mod kif il-Gvern qed jiddeċiedi mingħajr ma jikkonsulta. Huwa insista li din l-idea li jekk tikkonsulta se titlef xi ħaġa trid tinbidel, u li settur daqstant kruċjali għall-pajjiż ma jistax jitmexxa bla konsultazzjoni.
Huma tkellmu dwar deċizjonijiet li ttieħdu fl-aħħar snin u li ttieħdu mill-Gvern mingħajr ma saret konsultazzjoni… deċizjonijiet li ttieħdu ħażin għax ma rawx il-konsegwenzi fit-tul, u li fl-aħħar mill-aħħar ibatihom il-pajjiż.
Importanti ukoll, qal il-Forum, li jinstab ferm aktar appoġġ minn Transport Malta.
Minn naħa tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qabel mal-ħtieġa tal-konsultazzjoni mal-operaturi u l-esperti fis-settur, iżda insista wkoll dwar l-importanża li jittieħud deċiżjonijiet f’waqthom u bbażati fuq pariri mgħarrfa.
Għal din il-laqgħa flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista attendew ukoll il-kandidati Nazzjonalisti Joe Giglio, Errol Cutajar, u Emma Portelli Bonnici, id-Deputat Toni Bezzina li nqgħaqad b’mod virtwali, kif ukoll il-President ghar-Ricerka Politika Martina Caruana.
Il-Forum li tmexxa mill-President kellu rappreżentanza wiesa’ li nkludiet lill-Assoċjazzjoni Legali Marittima, lil Palumbo, lill-Malta Dockers Union, lill-Piloti, lill-Tug Malta, lill-Freeport u lill-Valletta Terminal.
//= $special ?>