Lokali

Rosianne Cutajar … mil-larinġ għall-fjuri

Id-Deputat Parlamentari Laburista, Rosianne Cutajar għoġobha tqabbel lilha nfsiha bil-modestà kollha ma’ fjura fuq il-media soċjali, fejn saħqet li meta fjura tintrifes…terġa’ tikber xorta waħda.

Il-karriera politika ta’ Cutajar spiċċat taħt il-lenti u f’kemxa nkwiet b’rabta ma’ senserija ta’ proprjetà li ħarġet fil-beraħ – senserija fi ftehim man-negozjant Yorgen Fenech. Dan seħħ fl-istess żmien meta Rosianne Cutajar kienet konxja li Fenech kien sid il-kumpanija 17 Black – b’Cutajar, meta mistoqsija mill-ġurnalisti dwar dan il-fatt, tisħaq li kellha relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ Fenech u li dik hija l-ħajja privata tagħha.

Dwar dan l-aġir, Cutajar spiċċat ukoll investigata u kkundanna mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler fejn skont ix-xhieda tiegħu hija kkonfermat li kienet irċeviet €31,000 u €9,000 mingħand Fenech – in-negozjant suspettat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Rosianne Cutajar għalissa mhux se terġa’ tifforma parti mill-Kabinett tiegħu – wara li kienet responsabbli mir-riformi…huwa għoġbu jħalliha parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Dan minkejja li tinsab investigata ankè mill-Kummissarju tat-Taxxi kif ukoll li ħareġ fil-beraħ li kienet tpoġġiet taħt caution mill-Pulizija.

Intant, waqt li l-Kummissarju Hyzler kien qiegħed jinvestiga lil Cutajar dwar ksur ta’ etika, hija marret tqassam f’dar tal-anzjani boroż tal-larinġ b’wiċċha fuqhom. Iżda illum mill-frotta tal-vitamini, id-Deputat Rosianne Cutajar dehrilha li tqabbel lilha nnifsiha ma’ fjura.

Madanakollu bħal ma kien jgħid il-mibki kittieb Malti, il-Professur Oliver Friggieri…Fil-Parlament ma’ Jikbrux Fjuri – u bl-aġir insistenti tal-Gvern Laburista tul is-snin juri biċ-ċar li mhux il-fjuri jerġgħu jikbru meta jintrifsu…iżda l-ħaxix ħażin.