Lokali Qorti

Tmien xhur ħabs wara li ppruvat tgħaddi d-droga lill-priġunier fil-Qorti

Mara ta’ 40 sena minn San Ġiljan residenti Tas-Sliema ġiet ikkundannata tmien xhur ħabs u mmultata €2,000 multa mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li nstabet ħatja li ppruvat iddaħħal id-droga fil-Ħabs lill-priġunier, liema droga ħbieta fil-bra.

Dak inhar fil-5 ta’ Novembru tal-2012, David Gatt magħruf bħala ‘Gulia’ kellu kawża quddiem il-Maġistrat Edwina Grima, llum Imħallef u Graziella Francalanza pprovat tgħaddi d-droga lil Gatt, f’ seduta tal-kawżi tad-droga, l-Ispettur Malcolm Bondin fuq informazzjoni li kellu mill-ħabs, ta struzzjonijiet lill-Pulizija sabiex hekk kif jilmħu lil Francalanza, tiġi mwaqqfa sabiex issir tfittxija fuq il-persuna tagħha.

L-imputata kienet innutata dieħla u ġiet imwaqqfa minn Pulziija mara, li skortata ġewwa l-Għassa tal-Belt sabiex issirilha tfittxija. Hija kkoperat mal-Pulizija u kienet hi stess illi tathom id-droga li kellha moħbija fil-partijiet intimi tagħha, liema droga kienet eroina.

Hija kienet ġiet mixlija mill-istess Spettur Malcolm Bondin, b’akkużi li fil-5 ta’ Novembru, u fil-ġimgħat ta’ qabel, ittraffikat u kellha fil-pussess tagħha l-eroina kif ukoll li ppruvat iddaħħalha fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Mill-analiżi rriżulta li l-ammont ta’ droga kien ta’ 0.81 grammi li kellha purità ta’ madwar 32 fil-mija.

Il-Qorti semgħet kif ġew irrekordjati 11-il siegħa ta’ telefonati li fihom jinstema l-priġunier li għalih kienet intenzjonata d-droga. Huwa jinstema jsemmi lil mara u jgħid li kellhom jiġu mgħoddija xi “affarijiet” għalkemm l-imsemmija Maġistrat stess qalet fid-deċiżjoni tagħha li nnutat kif huwa kien kawt waqt il-konverżazzjoni.

Mill-provi rriżulta wkoll li ġimagħtejn qabel il-każ l-istess akkużata kienet għaddiet xi ħaġa lil priġunier ieħor waqt li bisitu meta hija u mara oħra marru jżuruh. Il-Maġistrat Galea Sciberras fis-sentenza qalet li hija nnutat li hija kienet diġà nstabet ħatja ta’ pussess ta’ ecstasy waqt li kkunsidrat ukoll li kellha l-vizzju tad-droga.

Il-mara nstabet ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha u kkundannata għal priġunerija ta’ tmien xhur u l-multa tista’ titħallas bil-€100 fix-xahar. Jekk din ma titħallasx jiġu konvertiti f’ħabs. Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga.