Id-difensur ċentrali tal-Maċedonja ta’ Fuq, Darko Velkovski kien l-aktar plejer, matul il-Euro 2020, li għamel żbalji li spiċċaw jissarfu f’gowls kontra t-tim tiegħu. Il-Maċedonja kienu wieħed miż-żewġ pajjiżi li ddebuttaw f’din il-kompetizzjoni u tilfu t-tliet partiti tal-grupp. Huma soffrew total ta’ tmien gowls, u ħamsa minn dawn waslu minn żbalji ta’ Velkovski.

Fit-tieni post ta’ din il-klassifika negattiva, insibu żewġ plejers ta’ żewġ timijiet differenti. Yann Sommer, gowlkiper tal-Iżvizzera u d-difensur ċentrali tal-Ungerija, u li jilgħab fil-Bundelsliga Ġermaniża ma’ RB Leipzig, Willi Orban. Dawn it-tnejn kellhom tort f’erbgħa mill-gowls li soffrew matul din il-kompetizzjonijiet it-timijiet rispettivi tagħhom, iżda fil-każ ta’ Sommer, dan lagħab żewġ partiti aktar minn Orban, peress li l-Ungerija kienu eliminati wara l-istadju tal-gruppi u l-Iżvizzera kienu kapaċi javvanzaw sal-kwarti tal-finali.

