Il-Kunsill Lokali Naxxar jesprimi l-kundanna tiegħu li għal darba oħra qed isir żvilupp fin-Naxxar millGvern Ċentrali mingħajr l-ebda forma ta’ konsultazzjoni. Kellu jkun artiklu fuq il-ġurnal MaltaToday li ħabbar li Infrastructure Malta, fuq għażla tal-Ministeru tal-Ambjent, se jibni caravan site temporanja fi Triq il-Kosta viċin Baħar iċ-Ċagħaq.
Il-Kunsill jikkundanna l-fatt ukoll għaliex ilu żmien jitlob l-assistenza tal-Gvern Ċentrali, inkluż lill-Ministru tal-Ambjent, biex ikun hemm aktar kontroll fuq l-ammont esaġerat ta’ caravans li tpoġġew matul il-kosta. Dawn m’għandhom l-ebda faċilità sanitarja filwaqt li l-Kunsill għandu rapporti li allegatament qed jitfgħu d-drenaġġ fil-baħar!
Il-Kunsill mhux kontra li jkun hemm siti għall-caravans ikkontrollati u skont standards li jixirqu pajjiż Ewropej u infatti approva bye law propju dwar dan. Iżda għal darba oħra minflok inkoraġġiment u sapport mill-Gvern, il-Kunsill isib ma’ wiċċu proposta bħal din!
Din il-proposta tqajjem diversi mistoqsijiet li jidher li qas biss ġew ikkonsidrati, fosthom kif se jkun
immaniġġjat u kkontrollat is-sit? X’faċilitajiet sanitarji se jkun hemm? Xi tfisser temporanja? X’bilanċ
se jitħalla bejn dawk li jixtiequ jmorru jgħumu fis-sit u dawk li jridu jipparkjaw caravan?
Il-Kunsill Lokali Naxxar jappella lill-Gvern biex ma jibqax aktar jirrombla minn fuqu u jiftakar li lKunsill huwa r-rappreżentant tal-poplu kollu tan-Naxxar u għalhekk jixraqlu kull rispett.
//= $special ?>