Raġel ta’ 23 sena minn Bormla ġie kundannat 12-il xahar ħabs u multa ta’ €4,000 wara li ammetta li f’Jannar ta’ tliet snin ilu darab ħafif lil omm uliedu. Damian Cesare, li huwa magħruf mal-Pulizija kien qed jiffaċċa 11-il akkuża, fejn ammetta għal kull waħda minnhom.
Dawn kienu jinkludu li ħebb għall-kunjata f’darha, li huwa riċediv, li waħħal pjanċi ta’ karozza oħra u saq mingħajr liċenzja valida u polza tal-assigurazzjoni, kif ukoll li ħarab mill-karozza tal-Pulizija waqt l-arrest. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, qieset diversi fatturi meta ġiet biex tagħti s-sentenza fosthom li l-eks sieħba tiegħu ħafritlu u li m’għadx għandha interess fil-każ, u l-ammissjoni tiegħu.
Madanakollu nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur tagħha u tal-familjari tagħha għal ħames snin taħt garanzija personali ta’ €2,000. Il-Qorti ordnat ukoll skwalifika tal-liċenzja tas-sewqan għal sitt xhur u li din tibda tgħodd hekk kif Cesare joħroġ mill-ħabs. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Josric Mifsud.
//= $special ?>