Ftit tal-ħin ilu ġiet fi tmiemha l-velja li fiha tfakkar il-45 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Din il-vġili saret fil-Pjazza l-Assedju l-Kbir, il-Belt Valletta u li fiha għamlu d-diskors tagħhom il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina, il-Viċi President Vicki Ann Cremona, l-attivista ta’ Occupy Justice Martina Farrugia u l-President Elett ta’ Repubblika Alessandra Dee Crespo.
Fid-diskors tiegħu l-President ta’ Repubblika saħaq li “mill-2016 ’l hawn, ħafna kliem li rari konna nisimgħuhom, bdejna niltaqgħu magħhom il-ħin kollu. Minn shell companies għal trusts, minn ħasil ta’ flus għall-Panama Papers, għall-windfarms tal-Montenegro, sal-aħħar frażi li ttimbraw lil pajjiżna biha ‘grey list’ – il-lista griża tal-mistħija li wikkewna biha Joseph Muscat u Robert Abela.” Robert Aquilina stqarr li l-politiċi protagonisti ħammru wiċċ pajjiżna bl-oxxenitajiet tagħhom, “dawn il-politiċi li użaw l-istituzzjonijiet bħala paraventu, mhux biex issir ġustizzja, iżda biex l-id tal-ġustizzja żgur ma tilħaqhomx.”
Repubblika saħqu li taħt Joseph Muscat u Robert Abela, ġejna esposti għall-propaganda li għandu jkollna fiduċja għamja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiżna. Fid-diskors tiegħu Aquilina qal li “riduna bħal dawk it-tliet xadini li waħda tgħatti widnejha, l-oħra tgħatti għajnejha u l-oħra tgħatti ħalqha. Wara li ħaslu l-flus, riedu jaħslulna moħħna bil-mantra li aħna obbligati jkollna fiduċja fl-istitutzzjonijiet ta’ pajjiżna. Xerrdu l-messaġġ ma’ kull kantuniera ta’ pajjiżna li min juri diffidenza fl-istituzzjonijiet, ikun hu li qed jagħmel xi ħaġa ħażina. Aħna dejjem sostnejna li l-fiduċja hi xi ħaġa li trid taħdem għaliha.”
Il-President ta’ Repubblika saħaq li bħala ċittadini għandna jkollna rwol ta’ għassiesa fuq min iservi f’karigi pubbliċi u staqsa kemm ħaqqhom fiduċja l-istituzzjonijiet tagħna, meta Daphne Caruana Galizia kixfet ħafna dwar persuni qrib ferm tal-Gvern Laburista. Aquilina saħaq li Repubblika tkellmu u se jibqgħu jitkellmu, “fejn naraw is-sewwa se ngħidu u ser nibqgħu ngħidu li hu sewwa, għax aħna mhux inkissru rridu, iżda nibnu.”
Robert Aquilina tkellem dwar l-irwol tal-Kumissarju Angelo Gafa’ u saħaq li minkejja li għaddej proċess ta’ re-branding fil-Korp, huma jistgħu jiġġudikaw biss fuq ir-riżultati u saħaq li s’issa riżultati mingħand il-Kummissarju mhux qed naraw. Il-President ta’ Repubblika qal li “huwa minnu li f’dawn l-aħħar xhur kellna bidu ta’ prosekuzzjonijiet importanti, dawk ta’ Keith Schembri u persuni oħra. Dan kien pass fid-direzzjoni t-tajba u jien kont minn tal-ewwel li faħħartu u enfasizzajt l-importanza tiegħu.” Hu saħaq li iżda wasalna għal dawk il-prosekuzzjonijiet frott ta’ uħud mill-inkjesti maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil, dawk li Joseph Muscat u Robert Abela ma ridux u li għamlu minn kollox biex iwaqqfu. Il-President ta’ Repubblika saħaq li “l-politiċi korrotti u dawk ta’ madwarhom għadhom moħħhom mistrieħ li l-ebda livell ta’ korruzzjoni u kriminalità oħra mhi se twassalhom biex iqattgħu imqar siegħa l-ħabs. Il-verità hi waħda u ċara għal kulħadd: taħt Robert Abela u Angelo Gafa’ baqgħat tirrenja l-impunità. Robert Abela jista’ jibqa’ jkanta d-diska tal-kontinwità għax Angelo Gafa’ għadu ma ressaq lil ħadd quddiem il-ġustizzja biex iwieġeb għall-oxxenitajiet li saru taħt, bl-involviment u bil-protezzjoni ta’ Joseph Muscat.”
Robert Aquilina tkellem ukoll dwar ir-rapport konkluż tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u appella lill-Prim Ministru biex appena jirċievi dan ir-rapport, jippublikah immedjatament u b’mod sħiħ għaliex “il-poplu Malti għandu dritt ikun jaf jekk l-Istat ta’ Malta jġorrx xi responsabiltà fil-qtil ta’ din il-ġurnalista. Għandna dritt inkunu nafu x’instab li hemm imnawwar fl-istituzzjonijiet tagħna u jekk dawn humiex korrotti. U daqstant ieħor hu essenzjali li fuq il-konklużjonijiet tar-rapport tittieħed azzjoni soda u deċiżiva. Malta jixirqilha aħjar. Aħna jixirqilna aħjar. U nassigurakom li l-ħidma tagħna se tkompli bla heda sakemm naslu.”
Preżenti għal din il-velja kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mal-mara tiegħu AnneMarie.
//= $special ?>