Internazzjonali

Covid-19: Iċ-Ċina mħeġġa biex tikkoopera aktar fl-investigazzjoni dwar l-oriġini tal-virus

epa06747281 Tedros Adhanom Ghebreyesus, director general of the World Health Organization (WHO), attends a press conference at the European headquarters of the United Nations in Geneva, Switzerland, 18 May 2018. The WHO Director-General answered questions ahead of the World Health Assembly and following the meeting of an International Health Regulations Emergency Committee on Ebola in the Democratic Republic of the Congo. EPA-EFE/VALENTIN FLAURAUD

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO),Tedros Adhanom Ghebreyesus, ħeġġeġ biex iċ-Ċina tikkoopera aktar mal-istess organizzazzjoni li għaddejja bit-tieni fażi tal-investigazzjoni dwar l-oriġini tal-Covid-19.

Ghebreyesus sejjaħ għal aktar  aċċess u trasparenza fl-inkjesta wara li l-WHO għalqet l-ewwel fażi tal-investigazzjoni fi Frar li għadda. Dik il-fażi kkonkludiet li ‘mhux probabbli’ li l-coronavirus oriġina minn laboratorju fl-inħawi ta’ Wuhan, fiċ-Ċina u li l-oriġini ‘x’aktarx li tinsab fil-friefet il-lejl.’

Madankollu, Tedros, waqt diskors f’Ġinevra ( fl-Iżvizzera) qal li l-WHO xorta teħtieġ l-aċċess għal data u sorsi oħra ta’ informazzjoni li jmorru lura għal qabel il-pandemija u l-fażi ta’ meta l-virus beda jiċċirkola għall-ewwel darba.

Dan meta ċ-Ċina ma qasmitx din id-data (li mistennija tkun sinifikanti) mar-rappreżentanti tal-WHO waqt l-ewwel investigazzjoni.

Il-Kap tal-WHO qed jitlob anki ‘informazzjoni ċara’ dwar il-laboratorju ta’ Wuhan u spjega li, bħala professjonista fis-settur mediku, huwa konxju dwar il-possibbiltà ta’ xi ħaġa aċċidentali waqt il-ħinijiet tal-analiżi u evalwazzjoni.

Għaldaqstant, il-kummenti ta’ Tedros qed jitqiesu bħala indikazzjoni qawwija li l-WHO għadha qed tikkunsidra t-teorija li l-coronavirus seta’ kien dovut għal leak minn laboratorju – u minkejja l-fehma inizjali tal-esperti li ‘ħaġa bħal din ma kenitx daqstant possibbli’.

L-ispekulazzjoni dwar leak mill-Wuhan Institute of Virology – li hu fost l-aqwa laboratorji għal riċerka fiċ-Ċina – ilha għaddejja mis-sena li għaddiet, bl-eks President tal-Istati Uniti Donald Trump ma jitlifx opportunità biex jirreferi għal din it-teorija.

Fl-istess ħin, Tedros Adhanom Ghebreyesus wissa kontra l-idea li l-pandemija qed tasal fi tmiemha – bil-kumitat għall-emerġenzi tal-WHO qed jistenna li numru ta’ varjanti ġodda ( u aktar perikolużi) tal-coronavairus għandhom jinfirxu mad-dinja fil-ġimgħat u xhur li ġejjin. Fil-fatt, iċ-chairman ta’ dan il-kumitat, Didier Houssin, fisser li ‘id-dinja tax-xjenza għadha qed tiġri wara l-virus anki waqt li l-virus għadha qed tiġri wara l-umanità’.

Sadanittant, is-sitwazzjoni qed tidher allarmanti ħafna għall-kontinent tal-Afrika, fejn l-imwiet relatati għall-coronavirus sparaw ‘il fuq bi 43 fil-mija fl-ispazju ta’ ġimgħa. Dan, skont il-WHO, kien fil-parti kbira dovut għal nuqqas ta’ provvisti ta’ ossiġinu u nuqqas ta’ spazju fl-isptarijiet għall-pazjenti fil-bżonn ta’ kura intensiva.