Lokali Qorti

Ħabs għal żewġ Maltin li wettqu serqa minn dar f’Għawdex u wara nefqu €300 f’ristorant

Raġel ta’ 36 sena, residenti Santa Venera u ieħor ta’ 28 sena mill-Ħamrun ġew kundannat seba’ snin ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja mill-Qorti ta’ Għawdex li tliet snin ilu wettqu serqa minn residenza ta’ koppja Għawdxija. Wara s-serqa l-ħallelin marru f’ristorant ġewwa Marsalforn u nefqu €300 li kienu jagħmlu parti mill-flus misruqa. Il-Vendriż ġie kundannat tliet snin ħabs filwaqt li l-Ħamruniż ingħata sentenza ta’ erba’ snin priġunerija.

Il-koppja vittma li kienet għadha kemm ħarġet mid-dar kienet ukoll iltaqgħet ma’ wieħed mill-ħallelin Jonathan Degiorgio fil-viċinanzi tad-dar tagħhom meta nqabdu fit-traffiku, u wieħed mill-ħallelin kien saħansitra segwa lill-vittma bil-karozza, probabbilment biex ikun ċert li s-serqa tkun tista ssir kif ippjanat.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud ħareġ li kien fis-26 ta’ Awwissu tal-2018 li koppja ħarġet minn darha għall-ħabta tat-8.00pm. u marret bil-karozza tagħha sa ħdejn il-fortizza ta’ Chambray fl-inħawi tal-knisja tal-Madonna ta’ Lourdes. Id-dar tal-koppja tinsab fi Triq il-Knisja, fin-Nadur f’parti dejqa, ftit aktar ‘il ġewwa lejn in-Nadur.

Kif kien se jitlaq mid-dar, ir-raġel nnota karozza Mercedes sportiva ta’ kulur bajdani. Din niżlet mid-direzzjoni tal-Pjazza tan-Nadur lejn ir-rawndabowt, u daret fid-direzzjoni tar-Ramla. Imma kif is-sewwieq li l-vittma kien għarfu lil Juanito Jimenez, il-ħalliel l-ieħor, li qabad Triq Ħanaq, dan reġa’ rriversja għal fuq rawndabowt u nħolqot konfużjoni, billi nġemgħu xi karozzi.

Il-vittma ra wkoll karozza oħra, ġriża, tieqaf maġenb il-karozza sportiva, u ra lis-sewwieqa tal-karozzi jitkellmu. Kif it-traffiku kklerja, il-vittma mar fid-direzzjoni tal-Knisja Parrokkjali, u dlonk innota vettura issegwih sakemm huwa saq tul in-Nadur kollu, u minn hemm niżel l-Imġarr, għadda minn Għajnsielem u wasal ħdejn il-Knisja ta’ Lourdes.

Meta mbagħad il-koppja rritornaw id-dar għall-ħabta tal-10.00pm, sabu d-dar sgassata, u mqallba. Raġel li nzerta għaddej minn quddiem ir-residenza, ra żewġ persuni ħerġin mid-dar tal-koppja, li kienet kollha mixgħula u bil-bieb miftuħ. Dan ir-raġel minn jeddu mar jirraporta x’kien ra fl-Għassa tal-Pulizija, u dan meta kien sema’ bis-serqa.

Aktar tard, fi ftit tal-ħin, il-Pulizija rnexxilhom isibu il-karozza, u rriżulta li fil-kumpanija tal-persuna li kienet qed isuqha, kien hemm Juanito Jimenez ta’ 28 sena mill-Ħamrun u miegħu sabu lil Jonathan Degiorgio ta’ 36 sena minn Santa Venera.

Ipparkjata ħdejn din il-karozza, l-Pulizija sabu wkoll karozza Peugeot Partner, li skont xhud li kien sid il-karozza, din kienet inxtrat minn Degiorgio, anke jekk kien naqas li jittrasferiha fuq ismu. Il-vittma tas-serqa għaraf il-Peugeot, meta din kienet qed tinżamm fil-garaxx tal-Pulizija, bħala l-vettura skura li kienet waqfet ħdejn il-vettura qrib id-dar tiegħu, u dan meta ra liż-żewġ sewwieqa ta’ dawn il-vetturi jitkellmu ma’ xulxin.

Mill-filmati tal-Pulizija, l-istess karozza tidher għaddejja diversi drabi mit-toroq immedjati tad-dar tal-koppja. Mir-rapport ta’ espert tekniku tal-Qorti, jirriżulta li l-Mercedes kienet fi Triq il-Knisja, in-Nadur fis-26 ta’ Awwissu, 2018 fis-6.49pm u wara fis-6.59pm. u għal darba oħra 8.15pm. x’ħin bejn wieħed u ieħor ħarġet il-koppja mid-dar.

Fl-istess filmat, jidhru din il-karozza u l-Peugeot. Meta, flimkien ma’ sħabu l-imputat kien arrestat mill-Pulizija, dawn skoprew li fil-ħinijiet eżatt wara s-serqa, dawn kienu nefqu iktar minn €300 fil-Pebbles Restaurant, f’Marsalforn. Fuq il-persuna ta’ Degiorgio, il-Pulizija sabu €550 fi flus kontanti, u ammont kważi identiku ta’ €540 fuq il-persuna ta’ Juanito Jimenez. Fid-dar tal-koppja, binthom kellha €1,300 li nsterqu u ma ġewx irkuprati.

L-espert tal-Qorti, Jonathan Mizzi li għamel analiżi fuq il-mobajls li kellhom fuqhom l-imputat u Jimenez, irriżulta li fil-ħin tas-serqa dawn il-mobajls kienu fid-dar u fil-viċinanzi tad-dar tal-koppja. Il-Qorti qalet li mill-provi jkirriżulta li s-serq kien aggravat u bil-mezz għaliex huwa ċar li d-dħul fid-dar sar permezz ta’ sgass. Il-valur misruq eċċeda l-ammont ta’ €232.39, anzi l-vittmi indikaw li kellhom aktar minn €1,000 fi flus kontanti.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Mifsud qal li għandu jara illi jħares l-interessi tal-vittma jew vittmi tar-reat u s-soċjeta’ in ġenerali billi jagħti dik il-piena li għandha sservi bħala kastig għal min jikkometti r-reat, li tara li twassal għat-tnaqqis tal-kummissjoni ta’ reati ohra, li tista’ twassal għar-rijabilitazzjoni u r-riforma tal-ħati, li tagħti il-ħarsien meħtieġa lil
pubbliku u li l-ħati jagħmel riparazzjoni għall-ħażin li jkun għamel.

“Huwa sewwa li koppja toħrog minn darha u x’ħin tmur lura ssib li xi ħadd daħlilhom u seraqhom? Huwa sewwa li f’Għawdex ikollok min jitla’ flok biex jiddeverti u ma jdejjaq lil ħadd, jispiċċa joħloq trawma lil familja bl-aġir tiegħu? Huwa sewwa li hawn f’Għawdex dawk li lQorti ssejħilhom “tour leaders” fejn jindikaw lil persuni li jgħixu Malta fejn iridu u lil min jisirqu? Għalhekk il-Qorti ma tistax tibqa’ ċassa meta jkollha każijiet bħal dawn,” qal il-Maġistrat.

Is-serqa saret ukoll bil-lok peress li minn residenza, bil-ħin, peress li wara nżul ix-xemx, iżda ma rriżultax l-aggravju tal-persuna. L-akkuża ta’ ħsara volontarja kienet ukoll ippruvata u fir-rigward tar-riċediva, din ma tirriżultax fil-konfront ta’ Degiorgio li ġie kundannat tliet snin ħabs. Jimenez ġie kundannat erba’ snin ħabs peress li nstab ħati wkoll li sar riċediv. Il Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.