Lokali

L-aħwa Ta’ Maksar flimkien ma’ Jamie Vella ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest

Wara li l-ahwa Agius flimkien ma’ seħibhom Jamie Vella għamlu talba mill-ġdid għall-ħelsien mill-arrest… din it-talba ġiet miċħuda mill-Magistrat Caroline Farrugia Frendo li qed tippresjedi dan il-każ.

F’dawn il-proceduri, Robert Agius u Jamie Vella qed ikunu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, filwaqt li l-erba’ irġiel…flimkien… huma akkużati bil-qtil ta’ Chircop. Adrian Agius huwa akkużat ukoll li kkummissjona l-assassinju ta’ Chircop.

Fid-digriet tagħha, l-Maġistrat Farrugia Frendo spjegat li d-dritt għall-ħelsien mill-arrest mhux dritt awtomatiku. Hija insistiet li l-ħelsien mill-arrest jingħata meta ma jkunx hemm riskju li l-imputat jista’ jaħrab mill-pajjiż, li ma jkunx hemm riskju li l-imputat jinfluwenza l-evidenza u li ma jkunx hemm riskju li jitwettaq reat ieħor. Apparti dan, t-talba għall-ħelsien mill-arrest saret wara biss erba’ xhur u nofs minn meta tressqu l-akkużati u għalhekk l-Magistrat sostniet li dan mhux xi żmien twil meta wieħed iqis il-gravità tar-reati li huma akkużati bihom. Intant għal din ir-raġuni l-Maġistrat ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Tajjeb li wieħed isemmi li l-Erbgħa li għadda, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li hemm il-biża’ li l-evidenża tista’ tiġi influwenżata…. u minħabba l-vjaġġi estensivi tal-aħwa Agius barra minn Malta, hemm il-biża’ li jistgħu jaħarbu mill-pajjiż.