Għawdex Lokali Qorti

L-Eġizzjan maqtul f’Għawdex kien irċieva theddid fuq droga, imma ma riedx jagħmel rapport formali

L-Eġizzjan li nqatel f’Jannar tal-2018 f’Għawdex kien irċieva theddid fuq droga mingħand xi ħadd li ma jafx iżda ma kienx għamel rapport formali. Motaleb Mohamed kien tkellem ma’ Surġent tal-Pulizija dwar dan iżda meta l-uffiċjal qallu biex jagħmel rapport formali, dan ma riedx.

Is-Surġent tal-Pulizija kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Aleksandar Stojanovic ta’ 43 sena, li fil-Qorti t’Għawdex qed iwieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed ta’ 42 sena, qal li l-vittma kien qallu li kien qed jirċievi telefonati u dawn kienu qegħdin isiru minn xi ħadd li li jitkellem bil-Malti u ieħor bl-Għarbi, imma ma kienx jaf min kienu dawn il-persuni. Kien qallu li dan kien theddid verbali u jsemmulu d-droga.

Ix-xhud qal quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li kemm il-darba qallu biex jagħmel rapport, u meta kien jarah kien jistaqsih hemm xi ‘update’ fuq it-theddid. Imma kien jgħidlu li mhux qed jagħti każ iżjed u mhux jinkwieta. Din kienet it-tielet darba li l-Qorti bdiet tisma x-xhieda f’din il-kunmpilazzjoni fejn prattikament ix-xhieda kienu kollha membri tal-Korp tal-Pulizija.

Dawn ix-xhieda semmew diversi persuni li minnhom hemm min jista’ jkun involut fil-każ’, u li l-maġġoranza tagħhom huma ‘car dealers’. Dawn il-persuni ma jistgħux jissemmew minħabba wkoll il-fatt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan l-omiċidiju.

L-ewwel ma xehed kien Surġent tal-Pulizija li qal li l-involviment tiegħu fil-każ beda dak inhar tal-omiċidju meta l-katavru kien skopert. Huwa assista lill-esperti tal-Qorti biex jiġbru l-evidenza dwar dak li għandu x’jaqsam ma’ filmati mill-cameras tas-CCTV.

Qal li l-aħħar lokaliżazzjoni tal-mobajl tal-vittma kien fir-Rabat, Għawdex, ftit metri ‘l fuq mill-istabbiliment McDonalds. Huwa kien rikeb f’karozza BMW ma’ persuna oħra li kien is-sewwieq. L-istess vettura kienet waqfet biex tieħu l-fjuwil f’pompa tal-petrol.

Qal li r-roti tal-karozza kienu b’marki ta’ natura distintiva, kienu kbar u kellhom ħafna ‘spikes’ u kkuluriti. Qal li r-roti li l-Pulizija li kienu qegħdin ifittxu qatt ma nstabu. Dan għaliex meta tkellmu ma’ persuna li kien xtara din il-karozza, qalilhom li hu kien bidlilha r-roti.

Kompla jgħidx ukoll li persuna li ma tistax tissemma kienet kien ukoll ġie mitkellem fl-istess ġurnata tal-omiċidju. Qal ukoll li t-tabiba Lorna Attard kienet iddikjarat il-vittma mejjet fuq il-post. Wara xehed Surġent tal-Pulizija ieħor li qal li fil-15 ta’ Jannar huwa kien ġie nfurmat bl-omiċidju. Saru diversi inkjesti b’relazzjoni mal-cameras tas-CCTV u li dawn kienu mgħoddija lill-esperti tal-Qorti.

Qal li Transport Malta għamlet kuntatt ma’ l-iskwadra tal-omiċidji minħabba li kien hemm karozza suspettuża li kienet qed tipprova tiġi reġistrata minn persuna, u li dan kien arrestat. Din kienet instabet f’binja ġewwa Ħal Balzan. Din inxtrat mingħand minn ‘car dealers’, li ġie arrestat mis-sit tal-bini f’Ħal Balzan. Huwa kien żarmaha biex jagħmel minnha parts tal-BMW.

Dan kien xtara l-karozza mingħand persuna u kienet karozza ordinarja. Il-persuna li kien ibiegħ parts tal-BMW, figħodu kien jaħdem fil-kostruzzjoni. Għamel ħames snin fuq il-parts tal-BMW. Kien jirreklama wkoll fuq facebook dwarhom. Kien xtara l-BMW mingħand ‘car dealer’, u kellu showroom ġewwa Mdina Road.

Il-karozza kien xtraha biss €700 u kien biegħha lil persuan għax kellu jagħtih xi flus. Surġent ieħor mar fuq ix-xena u saret spezzjoni fejn huwa ġabar 27 filmati tas-CCTV fit-toroq tal-madwar. Kien hemm minnhom jaħdmu u oħrajn le. Dawn inkludew CCTV’s minn skola, l-kunsill lokali u djar residenzjali privati.

Aleksandar Stojanovic ta’ 43 sena qed iwieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed u għadu jinżamm arrestat. Il-Prosekuzzjoni permezz tas-Supretendent Keith Arnaud, fil-Qorti kienet spjegat kif il-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri skattat bl-investigazzjoni fil-15 ta’ Jannar tal-2018 wara li Motaleb Mohamed instab mejjet b’tiri f’għonqu u sidru, liema investigazzjoni wasslu għall-arrest ta’ Stojanovic.

Arnaud tenna li l-imputat kien rilaxxat bil-police bail darbtejn sabiex jibqgħu għaddejin l-investigazzjonijiet. Kien tenna li nstabet il-vettura tal-imputat li kienet f’pussess ta’ persuni oħra li wkoll ġew interrogati. Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar il-Ħamis, 22 ta’ Lulju.