Internazzjonali

L-Ewropa ġġarrab l-impatt ta’ għargħar devastanti… ’Il fuq minn 120 mejtin b’kaġun tal-elementi

Il-Ġermanja, l-Olanda u l-Belġju qed jagħmlu l-kalkoli tal-għargħar traġiċi tal-aħħar jiem li swew il-ħajja ta’ għexieren ta’ nies – bil-kontinent tal-Ewropa qed jistenna aktar xita wara l-ħalbiet kbar li wasslu għal diversi sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

L-għargħar laħaq l-aktar livelli terribbli għal għexieren ta’ snin, bl-ilma tax-xmajjar ewlenin tifqa’ l-art b’konsegwenzi devastanti għar-reġjun kollu.

Il-Ġermanja, fl-aħħar sigħat, ikkonfermat l-akbar numru ta’ vittmi, bil-Kanċillier Angela Merkel twiegħed appoġġ totali lill-qraba tagħhom u lin-nies li sofrew telfiet kbar b’kaġun tal-elementi.

L-aktar Stati affettwati mill-għargħar, intant, huma Rhineland Palatinate u Rhine-Westphalia fin-naħa ta’ fuq tal-Ġermanja.

Fl-istess ħin, l-aħħar rapporti mill-Belġju kkonfermaw talanqas tnax mejtin b’kaġun tal-maltemp li, skont il-mexxejja politiċi, hu dovut għall-bidliet fil-klima.

L-Olanda wkoll spiċċat affettwata ħażin mill-elementi, bl-Iżvizzera u l-Lussemburgu wkoll iġarrbu inċidenzi ta’ għargħar.

Il-Prim Ministru ta’ Rhine-Westphalia, Armin Laschet, fl-aħħar sigħat tkellem dwar il-perikli tal-global warming u wissa li l-pajjiżi jeħtieġu jaċċelleraw il-miżuri għall-protezzjoni tal-klima.

Min-naħa tagħhom, ix-xjenzati wissew diversi drabi li l-bidliet fil-klima kkaġunati mill-attivitajiet tal-bniedem – fosthom l-emissjonijiet mill-impjanti industrijali – għandhom iwasslu għal xejriet tat-temp estremi, inklużi ħalbiet tax-xita qawwija u kważi ‘interminabbli’.

Sadanittant, is-sitwazzjoni fil-Ġermanja hi tassew allarmanti.

Dan meta talanqas 1,300 persuna baqgħu rappurtati neqsin fid-distrett ta’  Ahrweiler, u fejn ma kenux qed jiffunzjonaw il-mobile networks – bir-riżultat li ma kienx possibbli għall-awtoritajiet li jikkuntattjaw lil ħafna residenti. Intant, il-villaġġ ta’ Schuld (fejn kienu jgħixu mas-700 ruħ) inqered kważi għal kollox mill-għargħar.

Fl-istess ħin, l-għargħar qawwi f’Erfstadt-Blessem, viċin Cologne, wassal għall-kroll ta’ diversi djar – bl-awtoritajiet lokali jwieġbu għat-telefonati ta’ emerġenza mingħand in-nies li spiċċaw iżolati mill-għargħar. Dan waqt li f’diversi każi, l-impenji tas-salvataġġ ma kenux qed jirnexxu minħabba l-kundizzjonijiet diffiċli fid-diversi zoni.

Filmati li ħarġu mill-Belġju wrew numru kbir ta’ karozzi qed jinġarru mill-għargħar fl-ibliet ta’ Verviers u Theux u f’zoni oħra tal-pajjiż. Dan waqt li r-residenti ta’  Liège —  it-tielet l-akbar zona urbana fil-Belġju wara Brussell u Antwerp  — ingħataw ordnijiet biex javakwaw mill-inħawi.

Ix-xmara Meuse, li tgħaddi minn Liege, laħqet stabilizzat iżda l-uffiċjali lokali huma preokkupati xorta minħabba l-possibbiltà li jikkrolla pont ewlieni ( fl-inħawi ta’ ġibjun) minħabba l-impatt tal-maltemp. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet tkellmu dwar ‘sitwazzjoni ta’ kriżi eċċezzjonali’ u appellaw ‘biex in-nies jgħinu lil xulxin mill-aħjar li jistgħu fost iċ-ċirkustanzi ta’ tħassib.

L-Olanda wkoll qed tevalwa l-ħsarat tal-għargħar meta l-belt ta’ Valkenburg spiċċat fost l-agħar bliet Olandiżi affettwati – u fejn l-għargħar wassal għall-evakwazzjoni tar-residenti minn diversi djar għall-anzjani.

Dan il-pajjiż, ma rrapporta l-ebda vittmi, iżda l-awtoritajiet wissew biex eluf ta’ residenti fl-ibliet u l-villaġġi tul ix-Xmara Meuse jitilqu ‘mill-aktar fis minn djarhom’. Intant, madwar 10,000 oħra ngħataw direttivi biex joħorġu mill-belt ta’ Maastricht fost sitwazzjoni mill-aktar imprevedibbli.