Lokali

“Mara li għandha ċertu kapaċità” – Roderick Galdes

Il-Grupp Parlamentari tal-Labour jibqgħu jiddefendu lil Rosianne Cutajar

Komplew jgħaddu aktar ġranet, u minkejja li r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards kien ċar ħafna u minkejja li Rosianne Cutajar saħansittra qed tkun investigata, hi għadha tifforma parti mill-Grupp Parlamentari Laburista u numru minn sħabha għadhom jiddefenduha.

Wara li fil-ġimgħat li għaddew, diversi Ministri u Segretarji Parlamentari qalulna li kienu komdi b’Rosianne Cutajar magħhom, l-istess jidher li hu l-Ministru Roderick Galdes. Mistoqsi minn Net News għalfejn għadhom qed jiddefendu lil Cutajar meta saħansittra qed tkun investigata, il-Ministru saħaq li “Rosianne ġarret ir-responsabiltà tagħha” għaliex irriżenjat mill-kariga ta’ Segretarju Parlamentari meta l-ewwel li kienet ħarġet din l-istorja. Iż-żmien li semma’ il-Ministru kien iż-żmien fejn Rosianne Cutajar irriżenjat mill-Kabinett iżda baqgħet Deputat tal-Labour, żmien fejn il-Prim Ministru Robert Abela kien saħaq li se jistenna l-eżitu tar-rapport tal-Kummissarju qabel jieħu azzjoni – azzjoni li anke issa li ħareġ ir-rapport, Robert Abela għadu ma ħax.

Mistoqsi għat-tieni darba minn Net News, il-Ministru Galdes saħaq li għalih “il-każ hu magħluq” u mistoqsi jekk il-Grupp Parlamentari ddiskutiex il-futur ta’ Cutajar, Galdes saħaq li “kulħadd huwa responsabbli ta’ għemilu.” Roderick Galdes spjegalna li jaf li Rosianne “hija mara li għandha ċertu kapaċità u wieħed jara li jista’ jkompli jaħdem ma’ Rosianne ‘l quddiem.” Il-Ministru saħaq ukoll li m’għandux problemi li Rosianne Cutajar terġa’ tikkontesta Elezzjoni Ġenerali.

Fl-aħħar jiem id-deputat Laburista, Rosianne Cutajar instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika, bil-mod kif daħħlet eluf minn senserija fuq propjetà fl-Imdina illi ried jixtri Yorgen Fenech. Hi kkonfermat li ħajret lil sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech biex jara proprjetà fl-Imdina. Dan filwaqt li kkonfermat li kienet irċeviet €31,000 u €9,000 mingħand Fenech. Jeżistu wkoll numru kbir ta’ chats bejn d-Deputat Laburista u l-allegat kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Din l-aħħar saga ta’ Cutajar, li ilha s-snin fil-media fuq rapporti varji li jorbtuha mal-imprenditur akkużat bl-involviment fl-assassinju tal-ġurnalista, kompliet tpoġġi pressjoni fuq il-Grupp Parlamentari Laburista u aktar w’aktar fuq il-Prim Ministru Robert Abela.