Mark Camilleri ta’ 46 sena u ħuh Christian Camilleri ta’ 41 sena ġew ikkundannati sitt xhur ħabs sospiżi għal tliet snin u wieħed mill-aħwa ġie ordnat jħallas kumpens, dan wara li aktar minn erba’ snin ilu, l-aħwa aggredew tapizzar li ma setax isewwilhom żewġ sidien tal-karozza fil-pront. L-inċident kien seħħ f’garaxx fi Triq il-Wied l-Imsida.
Il-vittma Carl Abela qal fil-Qorti li fit-2 ta’ Diċembru, 2016, li kien fil-jum tal-Ġimgħa għall-ħabta tal-10.00 am l-aħwa kienu marru l-garaxx u spjegawlu x’riduh jagħmel. Hu iżda qalilhom li ma setax jaqdihom dak inhar u kien se jaqdihom it-Tnejn.
Qal li Chris beda jissupervja u beda jidgħi u jsabbat il-bieba tal-karozzau Mark mar wiċċ ma’ wiċċ miegħu (Carl) jidgħi. Tenna li hu qalilhom li kif jiġi missierhom jkellmu, u l-aħwa ħallew is-seats u telqu. Kien ilu snin jafhom u kienu ħbieb.
Kif wasal missieru Alfred, qallu x’kien ġara, u missieru ċempel lil Chris Camilleri u qallu li peress li kellu xi ħaddiema neqsin, hu seta’ jaqdih it-Tnejn.
Chris iżda baqa’ jinsisti li riedhom dak inhar, u missieru qallu biex imur għalihom u jeħodhom għand ħaddieħor, għax ma setax jaqdih dak inhar. Wara ħames minuti, qal Carl Abela, l-aħwa marru l-garaxx u daħlu b’rabja kbira u bdew jidgħu u Mark qabad is-seat. Ix-xhud qal li beda jsikktu, għax kien hemm xi klijenti u qallu ‘iskot ħarja’. X’ħin qallu hekk Mark, lix-xhud, waddablu s-seat u beda jsawwtu u waqqgħu ma’ l-art bid-daqqiet.
Meta missieru mar biex iwaqqaf lil Mark, dan waqalu n-nuċċali ma’ l-art, u ħuh Chris flok mar biex iwaqqaf lil ħuh, kompla jagħtih waqt li kien ma’ l-art. Carl Abela qal ukoll li hu ġarrab ġrieħi f’wiċċu, imnieħru, fil-wardiet ta’ wiċċu u f’subgħajh, kemm tax-xellug kif ukoll tal-lemin.
Tenna li kellu n-nervituri maqtigħin fis-saba’ tax-xellug u spiċċa b’diżabilità permanenti. Huwa ppreżenta fil-Qorti ċ-ċertifikati tat-tobba. Waqt il-kontro eżami Karl Abela ċaħad li missieru kien rema’ s-seat barra, imma kien poġġihom fir-rampa tal-garaxx tagħhom.
Qal ukoll li meta l-aħwa marru l-garaxx, kien hemm Robert Pirotta li jaħdem magħhom, tal-pompa tal-petrol u xi klijenti. Hu ċaħad li kellimhom ħażin fil-bidu u sostna li mill-ewwel kienu qabdu jsawwtuh u minn hemm ‘l quddiem beda jkellimhom ħażin. Ċaħad li kien ta xi daqqa ta’ ponn u missieru intervjena biex iwaqqaf il-ġlieda, u f’dan il-ħin kissrulu n-nuċċali.
Missieru Alfred Abela qal fil-Qorti li dak inhar kien impossibbli li jaqdihom, imma l-aħwa riedu kollox ta’ malajr u kkonferma li ibnu qala’ daqqa ta’ ponn f’wiċċu u li Mark wadda is-seat fid-direzzjoni ta’ ibnu. Qal li t-tnejn bdew isawwtu lil ibnu.
L-espert tal-Qorti Dr. Mario Scerri kkonferma fil-Qorti li l-leżjoni fis-suba’ kienet gravi imma ma’ kienx hemm diżabilità permanenti. Il-Qorti qalet li l-ewwel akkuża li ġew kaġunati feriti gravi ġew ippruvati fejn mix-xhieda rriżulta li l-aħwa sawwtu lil Karl Abela, anke meta kien ma’ l-art.
Il-Qorti sabet ħatja wkoll lil aħwa li huma qalu kliem oxxen u li kisru l-paċi pubblika b’għajjar u ġlied. Mark Camilleri nstab ħati wkoll li waqt li kienet għadejja l-kommossjoni, u Alfred Abela pprova jżomm lil ħuh milli jsawwat lil ibnu, Mark waqqalu n-nuċċali li spiċċa nkiser. Mark Camilleri iżda ma nstabx ħati wkoll li kkaġuna feriti ħfief fuq missier il-vittma.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima minbarra piena ta’ sentenza sospiża rabtet lil aħwa b’garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed, għal żmien sena u dan billi ma jimmolestawx, ma jdejjqux u mna jinġurjawx lil Carl Abela u l-familja tiegħu.
Barra minn hekk ikkundannathom ukoll iħallsu €250.20ċ bħala spejjeż relatati mal-esperti tal-Qorti u ordnat lil Mark Camilleri jikkumpensa lill-vittma l-ammont ta’ €328 għal dak kollu li kkawżalu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters.
//= $special ?>