Internazzjonali

Stati Uniti: Magħqudin kontra ‘l-aggressjoni tar-Russja’

L-Istati Uniti u l-Ġermanja se jappoġġjaw lil xulxin f’impenn komuni kontra l-aggressjoni tar-Russja. Dan qalu l-President Amerikan, Joe Biden, waqt li kien qed jilqa’ lill-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, f’Washington.

Joe Biden, waqt il-laqgħa ma’ Merkel, sostna t-tħassib tiegħu dwar pipeline tal-gass ewlieni bejn ir-Russja u l-Ġermanja, waqt li ż-żewġ mexxejja qablu li Moska ma tistax titħalla tuża r-riżors tal-enerġija bħala ‘arma’. Dan meta l-Istati Uniti qed taħseb li l-pipline ‘ Nord Stream 2’ għall-gass naturali (li hu kważi komplut)  kapaċi  jintuża mir-Russja bħala ‘strument għal supremazija fuq l-Ukrajna u Stati ġirien oħra fir-reġjun’.

L-Istati Uniti u l-Ġermanja, intant, huma impenjati biex jiddefendu lill-alleati tal-lvant imsieħba fin-NATO kontra kull aġir ostili min-naħa tar-Russja.

Sadanittant, Angela Merkel – li se tispiċċa dalwaqt minn Kanċillier wara snin kbar f’dan ir-rwol — u Biden it-tnejn qalu li qed jopponu l-azzjonijiet taċ-Ċina li jmorru kontra l-kunċetti tad-demokrazija.

Il-President Biden qal li l-Istati Uniti għandha tiddefendi l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet umani f’każi fejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra jippruvaw idgħajjfu lis-soċjetajiet ħielsa u miftuħa. U għalkemm il-Ġermanja għandha rabtiet ekonomiċi sodi maċ-Ċina, il-Gvern ta’ Merkel ma naqasx milli jesprimi kritika għal Beijing dwar il-kunċett tad-drittijiet umani.