Lokali

Tiftaħ il-votazzjoni għall-membri l-ġodda tal-Eżekuttiv tal-PN

Ikompli t-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista

Ingħata bidu għall-votazzjoni tal-Kunsill Ġenerali li se twassal biex il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista jagħżlu r-rappreżentanti fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, elezzjoni li għaliha hemm total ta’ 25 nominazzjoni għal 18-il post fil-Kumitat Eżekuttiv.

Din il-votazzjoni, li qed issir fid-Dar Ċentrali bdiet il-Ġimgħa mill-5pm sad-9pm filwaqt li se tkompli s-Sibt mid-9am sas-1pm. Fl-istess ħinijiet f’Għawdex il-votazzjoni qed issir fis-subheadquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat iżda tagħlaq fil-11am.

Fl-aħħar sigħat ivvota wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li minn naħa tiegħu se jkun qed jagħmel diskors fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali li jiġi fi tmiemu s-Sibt.

Fl-istess ġranet issir ukoll l-elezzjoni għall-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, fejn f’dan il-każ l-elezzjoni tkun dik ta’ konferma. Mark Anthony Sammut mistenni jinħatar President tal-Kunsill Ġenerali hekk kif kien l-uniku persuna li tefa’ ismu sabiex tintela din il-kariga, kariga li qabel kienet fdata f’idejn Censu Galea.

L-elezzjoni għall-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tikkonsisti f’erba’ listi: waħda bl-ismijiet taż-żgħażagħ, waħda tal-Għawdxin, lista tan-nisa u lista oħra tal-irġiel. Skond l-istatut tal-PN iridu jiġu eletti erba’ żgħażagħ, żewġ Għawdxin, 6 nisa u 6 irġiel.

Il-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema Nemmnu fik. Fiducja f’Malta beda s-Sibt filgħaxija f’Għawdex u kompla f’nofs il-ġimgħa fil-Qrendi filwaqt li l-għeluq se jsir fil-Belt Valletta.

Dan il-Kunsill Ġenerali huwa wkoll eżerċizzju li jagħti ħarsa lejn il-ħidma politika li saret matul is-sena li għaddiet u fl-istess waqt iħares ‘il quddiem għall-ġejjieni… ġejjieni b’viżjoni għall-aqwa interess tal-Maltin  u l-Għawdxin kollha.