Sport Waterpolo

Valletta jerġgħu jidħlu b’ċans tajjeb li jilagħbu fil-Kampjonat Premier … rebħiet faċli għal Sliema u Neptunes

Rapport: Stewart Said

VALLETTA IZIBET………………….. 12

SIRENS MECCA MARIN……….. 6

(4-2), (4-1), (3-0), (1-3)

Valletta reġgħu jinsabu b’ċans tajjeb li jkomplu l-istaġun fil-Kampjonat Premier wara prestazzjoni mill-aqwa biex għelbu lil Sirens Mecca Marin f’konfront dirett. Il-Beltin urew il-potenzjal tal-iskwadra tagħhom, bil-kontra ta’ dak li għamlu kontra Birżebbuġa fl-ewwel logħba tal-grupp.

Sirens iddiżappuntaw f’konfront li fih kellhom iqumu għall-okkażjoni biex jaċċertaw posthom minn post fil-Kampjonat Premier. Minflok qed jirriskjaw serjament li jkollhom jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni hekk kif jonqoshom biss kontra San Ġiljan filwaqt li Birżebbuġa u Valletta fadlilhom jilagħbu kontra Marsaxlokk, it-tim li sa issa jinsab bla punti wara żewġ logħbiet.

Valletta kisbu vantaġġ doppju fil-bidu tal-logħba b’gowls ta’ Nikolai Zammit u Daniel Paolella. Sirens irnexxielhom inaqqsu d-distakk għal 3-2, b’Matthew Sciberras jispikka bi ġmiel ta’ gowl minn pożizzjoni angolata iżda Peter Borg ħalla l-vantaġġ doppju għal Valletta. Fit-tieni sessjoni, Valletta kkonfermaw il-livell ta’ prestazzjoni b’doppjetti ta’ Nikolai Zammit u l-veteran Niki Lanzon għal vantaġġ komdu ta’ 8-2, b’Marc Grech inaqqas id-distakk lejn tmiem is-sessjoni minn kważi nofs il-pitch.

It-tim ta’ Zoran Maslovar aċċerta mir-rebħa fit-tielet sessjoni. Miguel Zammit kabbar il-vantaġġ fil-bidu tas-sessjoni u wara li Sirens ma kinux preċiżi fil-passaġġi u fil-konklużjonijiet, l-istess Miguel Zammit u Niki Lanzon żiedu l-vantaġġ għal tmien gowls. Fl-aħħar sessjoni, Sirens irnexxielhom jagħmlu l-iskor ftit rispettabbli, li madankollu żgur li ma ssodisfax lill-kowċ Marko Orlovic.

Valletta: T. Micallef, P. Borg (1), E. Aquilina, M. Stellini, A. Agius, R. Mock, D. Paolella (1), M. Mifsud, N. Farrugia, N. Zammit (4), M. Zammit (2), N. Lanzon (4), K. Tanti, M. Mannino

Sirens: O. Gauci, M. Grech (1), K. Erdogan (1), J. Sciberras, J. Zerafa Gregory, G. Farrugia, M. Sciberras (1), I. Riolo (1), J. Napier (1), G. Melillo, L. Caruana, M. Azzopardi, G. Galea Curmi, T. Said, L. Falzon (1)

Referees: Ronnie Spiteri, Peter Balzan

Jaċċertaw fit-tieni sessjoni

SLIEMA FRANK SALT…………. 18

TA’ XBIEX AMIGOS…………….. 6

(5-0), (5-1), (5-4), (3-1)

Sliema Frank Salt ftit sabu diffikultà biex rebħu kontra Ta’ Xbiex Amigos. Kontra l-plejers żgħażagħ proprjetà tal-istess klabb, Sliema ddominaw l-ewwel nofs tal-logħba li kienu biżżejjed għalihom biex fl-aħħar żewġ sessjonijiet, il-logħba kienet aktar miftuħa.

Kif mistenni, Sliema bdew jikkmandaw l-andament tal-logħba mill-bidu u rebħu l-ewwel sessjoni 5-0. Benji Cachia u Jerome Gabarretta skorjaw l-ewwel żewġ gowls mill-uniċi sitwazzjonijiet ta’ man-ups fis-sessjoni. Sam Azzopardi naqqas id-distakk fit-tieni sessjoni, iżda Sliema reġgħu skorjaw ħames gowls mingħajr risposta. Għal sessjoni oħra, Sliema skorjaw darbtejn minn żewġ okkażjonijiet ta’ man-up filwaqt li skorjaw penalty minn Benji Cachia.

B’distakk ta’ 10-1, id-destin taż-żewġ timijiet kien magħruf. Il-kowċ Slimiż Sergio Afric ta l-opportunità lill-gowlkiper ta’ riserva Zachary Sciberras kif ukoll għamel rotazzjoni aktar spissa fit-tim. Iż-żgħażagħ ta’ Ta’ Xbiex ħadu l-opportunità biex sabu x-xibka aktar regolari b’doppjetta ta’ Raoul Greco u gowls ta’ Daniel Rizzo u Jayden Cutajar. Fl-aħħar sessjoni, ir-ritmu taż-żewġ timijiet baqa’ l-istess.

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (5), L. Galea (1), M. Meli (2), B. Cachia (3), N. Schiavone (2), M. Mifsud, J. Brownrigg (2), J. Gambin (1), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (1), Z. Sciberras

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, R. Greco (2), Z. Cutajar Licari, J. Pace Mizzi, J. Cassar, M. Demarco, J. Saliba, J. Cutajar (1), K. Borg (1), S. Azzopardi (1), E. Schembri, D. Rizzo (1), A. Theuma

Referees: Massimo Angileri, Richard Magri

Jirbħu kif mistenni

NEPTUNES……………………………… 11

M’SKALA FISH AND FISH………. 1

(3-0), (2-1), (2-0), (4-0)

Jekk kien hemm bżonn konferma, Neptunes huma assigurati minn post fil-Kampjonat Premier. Rebħa komda kontra Marsaskala Fish and Fish f’partita kwieta. Neptunes iddettaw il-logħba kif mistenni, b’Marsaskala iżda li ddiżappuntaw speċjalment fl-opportunitajiet ta’ skor.

Bidu pożittiv minn Neptunes li fl-ewwel sessjoni skorjaw tliet gowls mingħajr risposta minn Stevie Camilleri, Jake Muscat u Michael Spiteri Staines. Neptunes baqgħu jikkontrollaw iżda bdew ifallu diversi okkażjonijiet. Kien biss Sam Gialanze li rnexxielu jsib ix-xibka darbtejn, b’Kyle Navarro jnaqqas id-distakk minn penalty.

Stevie Camilleri u Sam Gialanze komplew ikabbru l-iskor fit-tielet sessjoni, b’Marsaskala jsibuha diffiċli biex jersqu qrib u jkunu perikolużi lejn il-lasta ta’ Alan Borg Cole. Neptunes issiġillaw ir-rebħa fl-aħħar sessjoni b’erba’ gowls mingħajr risposta, fosthom doppjetta ta’ Jake Muscat.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), L. Calleja, G. Pace, M. Castillo, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (3), J. Camilleri, M. Farrugia, M. Spiteri Staines (1), A. Fenech (1), S. Gialanze (3), A. Bugeja, M. Sammut, R. Galea

Marsaskala: J. Micallef, A. Camenzuli, P. Privitera, G. Sammut, L. Grixti, K. Navarro (1), M. Manara, S. Micallef, L. Felice, J. Ciantar, M. Carani, A. Muscat, G. Galea, N. Gatt

Referees: Alex de Raffaele, Neville Mercieca