Eks Kunsillier tal-Partit Laburista f’Ħal Balzan u esponent tal-Partit Laburista, qed jisħaq li Robert Abela għandu jiċħad lil Joseph Muscat.
Kliem Desmond Zammit Marmarà permezz ta’ artiklu li kiteb fuq Times of Malta fejn qal li Joseph Muscat tradixxa l-fiduċja tal-partitarji Laburista.
Huwa qal li l-legat li ħalla warajh Joseph Muscat se jibqa’ bħal xabla fuq il-Gvern Laburista… dejjem jekk Robert Abela ma jnaddafx il-Partit tiegħu – appell li jirrifletti s-sejħa li għamel fil-Parlament ftit tal-ġimgħat ilu l-Kap tal-PN Bernard Grech, wara li Malta kienet spiċċat greylisted mill-FATF.
Zammit Marmarà qal li l-mod kif Joseph Muscat ma ħax id-deċizzjonijiet neċessarji dwar l-iskandli tal-Panama Papers, li seħħew waqt li hu kien qed imexxi, huwa inkwetanti.
Huwa kompla li taħt Joseph Muscat il-Partit Laburista laqa’ fi ħdanu ħafna opportunisti, li daħlu fil-Partit għall-interess tagħhom biss – dawn in-nies infatti kienu fost l-aktar persuni qrib il-Prim Ministru… u mhux talli hekk, talli saru sinjuri minn fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Is-Segretarju Eżekuttiv tat-think tank tal-Fondazzjoni IDEAT fi ħdan il-Partit Laburista qal li wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia beda jirrealizza li l-affarjiet jeħtieġ li jinbiddlu…. u dan mhux biss irrealizzah hu, imma ħafna oħrajn li jagħmlu parti mill-Partit Laburista.
Huwa kompla li għalkemm l-elezzjonijiet tal-2013 u l-2017 il-Partit Laburista qed ibati r-riperkussjonijiet hekk kif qed joħroġ aktar fil-beraħ l-alleanzi li hemm bejn il-Partit Laburista u persuni terzi oħra.
L-eks Kunsillier Laburista kompla li llum qed naraw x’effett negattiv dawn ir-relazzjonijiet ġabu fuq Malta u l-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>