Lokali

“Ejjew noħolmu għal Malta aħjar għalina u għal uliedna” – Mark Anthony Sammut

“Qed niġġeddu, għax għandna ġenerazzjoni ġdida li wasal iż-żmien li tkun hi li tieħu lil dan il-Partit ‘il quddiem. Għax qed jingħaqdu magħna nies ġodda… Imma, b’differenza minn ħaddieħor, lil dawk li ġew qabilna, aħna m’għandniex għalfejn innessuhom. M’għandniex għalfejn nagħmlu ta’ bir-ruħna li qatt ma kienu magħna”

Hekk fetaħ l-ewwel diskors tiegħu bħala President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut li s-Sibt kien ikkonfermat b’din il-kariga.

Sammut iddeskriva lill-predeċessur tiegħu Ċensu Galea u lil Francis Zammit Dimech li se jtemm il-kariga tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-PN bħala eżempji biex jimxi fuqhom.

Hu tkellem dwar id-diffikultajiet li sab ruħu fihom pajjiżna fl-aħħar snin u qal li hu għalhekk li issa fuqna hemm dover kbir li ndawru r-rotta li qabad dan il-pajjiż.

Mark Anthony Sammut fakkar fil-ħolma li kellu l-Partit għal Malta fl-imgħoddi, u kif fl-2004 l-bandiera ta’ Malta ttellgħet fil-pajjiżi kollha Ewropej.

Illum…wasal iż-żmien li nerġgħu noħolmu

Noħolmu f’Malta fejn tikber l-ekonomija, mingħajr ma neqirdu l-ambjent ta’ madwarna.

…f’Malta fejn uliedna jkollhom edukazzjoni li tiffurmahom, li tgħallimhom jaħsbu u jkunu kritiċi

… f’Malta li jkollha standards politiċi u etiċi għolja bħal f’ pajjiżi oħra Ewropej,

….f’Malta fejn jitkattar il-ġid, mingħajr ma dan jiġi misruq mill-korrotti.

….f’Malta fejn il-ħażin nikkundannawh dejjem u kullimkien, u mhux skont min jagħmlu

Imma biex din il-ħolma nagħmluha realta’ qal Sammut, hemm bżonn li nerġgħu nkunu spalla ma’ spalla flimkien.

Mark Anthony Sammut temm id-diskors tiegħu b’appell biex bħal ma kelna l-kuraġġ noħolmu fil-passat nerġgħu insibu l-kuraġġ noħolmu għall-futur, u ningħaqdu spalla ma’ spalla mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech biex nibnu Malta li tixraq lilna u lil uliedna.