Coronavirus Lokali Saħħa

Eluf ta’ ħaddiema mhux mill-UE ordnati jieħdu t-tilqima b’mod mandatorju

Dawk kollha li jaħdmu f’pajjiżna u mhux ġejjin mill-Unjoni Ewropea – jiġifieri ġejjin minn pajjiżi Afrikani u Ażjatiċi issa jridu juru evidenza li huma vvaċċinati b’mod sħiħ kontra l-Covid-19 bil-għan li jġeddu l-permess tax-xogħol.

Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa fejn ġie spjegat li ċertu third country nationals li jaħdmu f’pajjiżna jridu wkoll jinkludu wkoll evidenza ta’ tilqima bi sħiħ kontra l-Coronavirus fil-karti li jridu jippreżentaw minħabba t-tiġdid tal-permess.

Għal dan it-tiġdid l-unika ċertifikati tal-vaċċin aċċettati huma dawk ta’ Malta biss.

L-iscreening tas-Saħħa li huwa mandatorju jrid isir ukoll minn persuni non-EU, irrispettivament minn fejn ġejjin, li jaħdmu bħala dentisti, tobba, qwiebel, infermiera, carers, terapisti, masseurs u dawk li jaħdmu fil-catering.

Dan ifisser li tal-inqas 17,000 impjegat se jkunu affettwati minn dan il-pass li ttieħed mill-Awtoritajiet – b’aktar minn nofshom ġejjin minn Nepal, Pakistan u l-Filippini.