Lokali Qorti

Ħatja li weġġgħu lil seħibhom wara li wadbulu seat ta’ karozza

Żewġ aħwa weħlu sitt xhur ħabs kull wieħed, sospiżi għal tliet snin wara li  l-Qorti sabithom ħatja li sawtu ħabib tagħhom waqt argument li kellhom fl-2016 dwar seats ta’ karozza… argument li seħħ fil-garaxx ta’ tapezzarija ta’ missier il-vittma li jinsab fl-Imsida.

Mark Camilleri u Christian Camilleri ġew mixlijin li heddu lill-vittma Carl Abela u lil missieru Alfred, li saħansitra kkaġunaw feriti gravi fuq seħibhom u li kisru l-paċi pubblika.

Jidher li l-argument eskala tant li l-aħwa spiċċaw iwaddbu seat ta’ karozza lejn seħibhom għaliex ma setax jaqdihom dakinhar.

L-aħwa nstabu ħatja li weġġgħu gravi lil Abela, li qalu kliem oxxen u li kissru l-paċi pubblika. Huma weħlu sentenza sospiża b’garanzija personali ta’ €2,000 kull wieħed li fi żmien sena ma jerġawx ikollhom xjaqsmu ma’ Abela jew qraba tiegħu.