Lokali

Id-diskorsi tal-kelliema waqt l-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-PN

Ritratt: Joseph Galea

Is-Sibt, il-eks President tal-Kunsill Ġenerali, Ċensu Galea introduċa l-bidu tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Nemmnu Fik, Fiduċja f’Malta’ li sar fil-Belt Valletta, b’numru ta’ kelliema minn oqsma differenti fi ħdan il-Partit.

Dan il-Kunsill qed jinżamm issa wara li kien pospost fix-xhur li għaddew minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19 fuq attivitajiet pubbliċi. Minkejja dan, il-Kunsill Ġeneral tal-PN ittella’ kollu skont ir-regolamenti tal-Ministeru tas-Saħħa fir-rigward tal-COVID, fosthom li dawk li se jattendu se tiġi ċċekjata t-temperatura u għandhom jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Ivan Castillo – Solidarjeta Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN)

Fid-diskors tiegħu, Ivan Castillo enfasizza fuq l-importanza tax-xogħolijiet – xogħolijiet ta’ kwalita’. Hu qall-ħaddiema nistgħu nagħtuhom ix-xogħol iżda ix-xogħol huwa d-dritt tal-ħaddiema. Il-Partit Nazzjonalista qed jitfa’ lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu sabiex itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. F’dan l-aħħar 8 snin, il-Gvern ma ħoloqx settur ġdid ta’ impjieg għall-ħaddiema. F’pajjiżna irridu Gvern li joħloq u jagħti l-opportunitajiet lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

John Mizzi – Assoċċjazzjoni Penjsonanti Anzjani Nazzjonalisti (APAN)

John Mizzi qal li l-anzjani qed jaffaċja diversi sfidi, sena wara sena. Fost l-oħrajn, mhumiex ilaħqu mal-għoli tal-ħajja, l-għoli fil-mediċini, u s-solitudni li qed tkiddhom mhux ftit. Hu qal li l-pandemija qerdet il-ħajja ta’ tant anzjani. Diffikultajiet li mhumiex biss b’mod finanzjarju iżda wkoll jesperjenzaw weġa’ u trawma li l-ebda soluzzjoni mhi se tgħin lil dawn il-persuni.

Eve Borg Bonello – TeamStart

Eve Borg Bonello saħqet li l-Partit Nazzjonalista jgħaraf l-importanza tal-ekonomija iżda għalih l-ewwel u qabel kollox jiġi iċ-ċittadin. Kien fid-dawl ta’ dan li saħqet li meta Malti jew Maltija jħares lejn il-bandiera, ma jarax biss l-ekonomija iżda jara diversi fatturi oħra. U fl-għeluq, hi qalet li taħt il-Partit Nazzjonalista, Malta kollha gawdiet u mhux l-erbgħa tal-klikka biss.

Michael Asciak – ExMps

Asciak qal li hu jemmen li hemm bżonn li jkun hemm djalogu soċjali biex ikun hemm liġijiet ġodda li jolqtu lil kull qasam tal-ħajja. Dan biex b’hekk il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jaġġorna ruħu maż-żminijiet moderni. Hu qal li l-Partit għandu bżonn joħroġ minn fejn hu u jsir ħaġa waħda mal-poplu biex jifhem aħjar minn dak kollu li għaddej minnu.

Graziella Attard Previ – Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN)

Fl-intervent tagħha, Graziella Attard Previ tkelmet dwar l-importanza tal-mara fis-soċjetà u anke fil-politika. Hija stqarret li għadu kemm intemm proċess ta’ konsultazzjoni dwar kif għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Dan sabiex il-mara tkun tista’ tokkupa pożizzjonijiet f’xogħolijiet u ħafna aktar affarijiet oħra li jgħinu lill-mara timxi aktar ‘l quddiem.

Graham Bencini – Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FFPN)

Minn naħa tiegħu, Bencini saħaq li fid-dawl tal-greylisting, numru kbir ta’ nies ma riedux jassoċjaw ruħhom ma’ pajjiżna, filwaqt li l-banek jagħmlu proċess ta’ compliance cost. Hu qal li dan kollu wassal biex wieħed ma jsibix worth it biex jibqgħu joperaw tant li l-kumpaniji jibdew jgħalqu. Tant hu hekk li fl-aħħar ġimgħat rajna numru ta’ kumpaniji li għalqu l-uffiċini tagħhom minn pajjiżna.

Chris Micallef – TeamSport

Chris Micallef stqarr li Bernard Grech qed jagħti importanza kbira liż-żgħażagħ. Wieħed jista’ jara dan mill-karigi li qed jingħataw fil-Partit Nazzjonalista fosthom dik ta’ Michael Piccinino bħalha Segretarju Ġenerali. Hu saħaq li ż-żgħażagħ mhux biss qed jingħataw fiduċja permezz ta’ proposti mill-Partit iżda wkoll permezz ta’ karigi li qed jiġu mgħotija.

Jamie Vella – Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN)

Vella qal li l-Partit Nazzjonalista mhu xejn ħlief Partit iffurmat minn nies u hu għalhekk li l-Partit għandu jiġġedded u jevolvi fil-ħsibijiet billi jinvolvu lin-nies. Hu qal li hemm bżonn li jsir dan biex il-Partit verament jifhem lill-poplu Maltin u Għawdxi.

Joseph Grech – Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MZPN)

Dwar it-tiġdid li għaddej bħalissa fil-Partit Nazzjonalista, Joseph Grech saħaq li huwa l-obbligu li l-Partit jiġġedded b’mod li jisma’ u jgħaraf x’jixtieq verament il-poplu biex b’hekk imbagħad jittieħdu deċiżjonijiet li jwasslu lill-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.

Ivan J. Bartolo – President Djalogu Soċjali

Bartolo esprima kif il-Partit Nazzjonalista għandu dmir morali u obbligu lejn in-nazzjon li jkun fl-aqwa forma fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dan għaliex kollettivament il-Partit ikun tim wieħed għax Malta għandha bżonn dan il-Partit. Hu qal li il-pajjiż jinsab f’rokna u għalhekk il-Partit għandu jpoġġi lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox. Saħaq li b’umiltà kollha għadda s-siġġu tiegħu fil-parlament lil Kap tal-PN, Bernard Grech għal kawża ħafna ikbar minnu. Dan għamlu għax irid jagħti eżempju biex in-nies iqisu lill-Partit bħala wieħed li kapaċi jmexxu lill-pajjiż ferm aħjar mill-Partit Laburista.

Bartolo qal li n-nies jafu li l-Gvern attwali mhux ideali biex imexxi lill-pajjiż. Hu saħaq li min hu fin-negozju ġie affetwat b’mod ħażin mill-azzjonijiet tal-Gvern tal-Labour, fosthom il-greylisting u l-Panama li xegħelu lil Malta mad-dinja kollha… Malta spiċċat f’dawl negattiv tant li ħadd ma jrid ikollu x’jaqsam ma’ pajjiżna.

Hu qal li dan mhux it-tmiem, iżda bidu ġdid… bidu fejn ilkoll għandhom jingħaqdu f’tim wieħed u jibdew ġirja biex jagħtu dak kollu li għandhom għal Malta hekk kif il-pajjiż jixraqlu lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Martina Caruana – President Riċerka Politika

Fid-diskors tagħha, Martina Caruana saħqet li llum hija ġurnata fejn il-PN ser jieħu pass kuraġġuż ‘l quddiem qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Hi qalet li mhux qegħdin preżenti biex jimlew l-ispazju iżda għax nemmnu f’pajjiżna u għandna fiduċja fih. Irridu li pajjiżna jerġa’ jqum fuq saqajh u kulħadd iħares lejna b’ammirazzjoni. Saħqet li rridu Malta aħjar, għal kulħadd u l-PN ser jaħdem sabiex dan kollu ma jibqax ħolma iżda jsir realta’.

Hija bgħatet appell lil kull min jixtieq jara lil pajjiżu jibbrilla sabiex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista u jaħdem sabiex Malta jerġa’ jkollha ir-reputazzjoni li xi darba kellha.

Ramona Montebello

Montebello qalet li ħafna qed jgħaddu minn difikultajiet finanzjarji… problemi li m’huma xejn faċli. Hi qalet li dan kollu hu kollu tort tal-Gvern li qed jħalli kollox jgħaddi qisu xejn m’hu xejn. Hi qalet li tant hu hekk li ċċempel fejn iċċempel, minkejja li dan hu d-dritt tal-poplu, xorta waħda jibqa’ ma jsir xejn.

Fid-dawl ta’ dan, Montebello rreferiet għal bini u kostruzzjoni li qed issir bla kontroll ta’ xejn, bl-ulied jgħixu realtà tal-biża’. Hi qalet li l-awtoritajiet bħallikieku ma jeżistux u kontinwament jitfgħu lil dawk li għandhom raġun fil-ġenb.

Hi qalet li tħoss li bħala poplu għandhom jieqfu jħallu kollox għaddej bħallikieku xejn m’għad għandu valur. Hu għalhekk li hemm bżonn li bħala nazzjon iħaddnu l-valuri li dejjem ħabbew tul is-snin. Dan biex b’hekk il-ftit igawdu daqs il-ħafna, u mhux kif bħalissa l-Gvern Laburista qed imexxi lil pajjiżna.

Montebello għalqet biex qalet li l-Partit Nazzjonalista ta widen… u hu għalhekk li trid tara li l-Partit ikun dak li jaqleb il-paġna u jagħti nifs lil pajjiżna.

Eman Borg

Eman Borg saħaq li maż-żmien hu għaraf li jżomm il-morali u l-valuri tiegħu u li qatt ma jkun parti minn politika maħmuġa. Il-Politika hija vuċi f’oċean u xi ħaġa fejn għandek tifhem il-ħaddieħor. Hu qal li l-ħidma hija għal kull persuna, kulħadd jixraqlu l-aħjar. U bħala żagħżugħ, Eman irid ikun hemm għall-Għawdxin u jgħinhom jilħqu il-potenzjal tagħhom. Huwa saħaq li issa huwa żmien li ningħaqdu flimkien, spalla ma’ spalla u naħdmu sabiex insawwru lil Malta għall-futur.

Minkejja li hu Għawdxi, hu saħaq li l-istrateġija taż-żewġ gżejjer għandhom jikkumplimentaw lil xulxin.

Il-Partit Nazzjonalista beda pass ġdid, pass li Eman irid ikun parti minnu sabiex kull individwu jagħmel progress u jkollu suċċess.

Liana Cremona

L-aħħar kelliema għal dan il-Kunsill Ġenerali, Liana qalet li meta ġiet f’pajjiżna kienet temmen li la darba tiġi f’Malta kienet se ssib ġenna tal-art. Iżda le, sfortunatament matul l-aħħar żmien pajjiżna beda jinbidel ftit ftit sakemm Malta ħadet direzzjoni opposta.

Hi qalet li dejjem xtaqet trabbi lil uliedha f’pajjiżna biex jitilgħu f’ambjent li tant ħafna kienu jfaħħru. Hu għalhekk li riedet twassal il-viżjoni tagħha għal pajjuiżna. Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista, minkejja li ilu li beda, dan hu biss il-bidu għal Malta aħjar.

Hi ħeġġet biex dawk li jinsabu beżana biex jafdaw lill-Partit Nazzjonalista, wieħed għandu jrabbi l-kuraġġ biex jafdah għal Malta aħjar għaliex verament kapaċi jmexxi lil pajjiżna bl-aqwa mod.