Futbol Sport

Il-FIFA qed tikkonsidra bidliet kontroversjali fil-logħba tal-futbol

(Ritratt: EPA)

Il-FIFA qed tikkonsidra li twettaq bidliet drastiċi fil-logħba tal-futbol, liema bidliet qed iqajjmu kontroversja sħiħa fost il-partitarji.

Bħalissa qed isir esperiment f’dik li qed tissejaħ bħala ‘Future of Football Cup’ fejn it-timijiet ta’ taħt id-19-il sena ta’ PSV, AZ Alkmaar, RB Leipzig u Clubb Brugge qed jieħdu sehem fejn fost l-oħrajn qed ikunu proposti ħames tibdiliet.

L-ewwel bidla hi li l-logħba tiqsar minn 90 minuta għal żewġ taqsimiet ta’ 30 minuta kull wieħed. Il-partita għandha titwaqqaf meta l-ballun jitlaq barra mill-grawnd. Ma jkunx hemm limitu ta’ kemm isiru sostituzzjonijiet. Minflok throw-ins jibdew jingħataw kick-ins. L-aħħar bidla proposta hi dik li kull player li jaqla’ karta safra jkun sospiż għal ħames minuti.

Dawn il-bidliet qajmu rabja fost għadd ta’ segwaċi tal-futbol fejn fost l-oħrajn kien hemm min qabbel dan ma’ dak li seħħ f’April li għadda meta 12-il tim ingħaqdu u ffurmaw l-European Super League.