Sport Sport Ieħor

In-nuqqas ta’ kjarifikazzjoni mill-Awtorità tas-Saħħa twassal għat-tħassir tar-Regatta ta’ Jum il-Vitorja

(Ritratt: TCM Photography)

Rapport: Stewart Said

Ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja hi kostretta li titħassar hekk kif l-Awtorità tas-Saħħa għadha mhux qed tagħti konferma li r-Regatta f’Settembru tista’ ssir. Id-deċiżjoni ttieħdet bi qbil bejn l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor flimkien mal-klabbs parteċipanti.

L-Għaqda ilha diversi xhur b’kuntatt kontinwu biex tipprova tikseb permess skont ir-regolamenti. Din id-deċiżjoni tfisser li fl-2021 dan l-isport mhux se jkollu kompetizzjoni waħda. Ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu ġiet posposta u wara li tneħħew xi miżuri relatati mal-isport, baqgħu mingħajr permess sa Mejju, anki wara li oriġinarjament deher li setgħet issir fid-29 ta’ Mejju.

Aktar minn hekk, f’perjodu fejn il-każijiet tal-Covid-19 kienu minimi, ir-Regatta ta’ taħt it-18-il sena ġiet ikkanċellata madwar ġimgħa u nofs ilu minħabba li skont l-Awtorità tas-Saħħa r-Regatta ta’ dawn iż-żgħażagħ kienet “se toħloq il-folol.” L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor talbet laqgħa mal-Awtorità tas-Saħħa iżda qatt ma ġiet aċċettata jew notifikata.

L-uniku Regatta li saret fi żmien il-pandemija kienet ir-Regatta ta’ Jum il-Vitorja f’Settembru li għadda. Dak iż-żmien, l-Għaqda kienet anki kkummissjonat Risk Assessment bi spejjeż tagħha u kkordinat mal-Awtorità tas-Saħħa biex jingħalqu postijiet fejn potenzjalment setgħu jinġabru n-nies madwar il-Port. Dik ir-Regatta kienet suċċess.

Ir-raġuni tad-deċiżjoni ftit anqas minn xahrejn qabel id-data oriġinali hi minħabba li biex isiru dawn it-tlielaq, hemm bżonn ħafna sagrifiċċji u preparazzjoni. Dan minbarra r-riskju li l-qaddiefa jieħdu għaliex jistgħu jweġġgħu bi preparamenti fi żmien qasir.

“Għalkemm provdejna l-garanziji kollha u anki protokolli skont hekk kif mitluba mill-istandards sportivi fil-pandemija u minkejja l-appoġġ assolut minn SportMalta, xorta waħda jidher li dan l-isport li jiġi prattikat fiż-żona tal-Port il-Kbir flimkien mal-atleti miż-żoni tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, mhux jingħataw l-ebda importanza jew widen. Wieħed jistaqsi għaliex din l-inġustizzja u jekk hemmx xi aġenda oħra,” temmet l-istqarrija.