Għal sena oħra waqt il-Festi tal-Indipendenza 2021 li ser isiru matul ix-xahar ta’ Settembru ser jiġu organizzati l-Konkorsi Kanzunetta Indipendenza.
Il-Konkors Kanzunetta Indipendenza u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior saru żewġ avvenimenti importanti fil-kalendarju tal-mużika u lirika oriġinali Maltija. Din is-sena, wara nuqqas ta’ tliet snin, dawn iż-żewġ konkorsi ser ikunu qed jirritornaw fil-post naturali tagħhom, fuq il-Fosos tal-Floriana.
Naturalment, dan ikun possibbli dejjem b’rispett sħiħ u sakemm ikunu jippermettu l-linji gwida mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa b’rabta mal-imxija tal-Covid 19.
L-applikazzjonijiet għaż-żewġ konkorsi se jiftħu nhar it-Tnejn 19 ta’ Lulju, mill-5.00pm ’l quddiem u jkunu jistgħu jinkisbu mir-reception ta’ MediaLink Communication (Net TV – Net FM). Is-sottomissjonijiet ser ikunu qed jintlaqgħu nhar id-19 u l-20 ta’ Awwissu bejn id-9.00am u s-6.00pm.
Il-fażi tal-eliminatorja se tkun qed issir bejn is-26 u s-27 ta’ Awwissu. Is-serati finali taż-żewġ konkorsi se jsiru nhar is-17 u t-18 ta’ Settembru.
L-ewwel serata ser tkun iddedikata għall-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior u l-għada jittella’ l-Konkors Kanzunetta Indipendenza. B’kollox se jkunu qed jieħdu sehem 40 finalista maqsuma fuq iż-żewġ konkorsi.
It-temi tal-kanzunetti huma fl-għażla libera tal-awturi u/jew il-kompożituri, filwaqt li ttema ta’ kull kartolina abbinata ma’ kull finalist ser tkun tittratta l-ambjent.
Il-Kumitat Organizzattiv huwa iffurmat minn ħames membri u ser jerġa’ jkun immexxi minn Robert Cutajar. Għal aktar
informazzjoni ċemplu fuq 79262101.