Fl-aħħar diskors tiegħu bħala Segretarju Ġeneral tal-Partit Nazzjonalista, Francis Zammit Dimech sellem lil Michael Piccinino, li mistenni jieħu hu din il-kariga warajh, u wegħdu li se jsibu ta’ spalla propju bħal ma hu sab lill-istess żagħżugħ ta’ spalla għalih f’dawn is-sena u erba’ xhur li ilu jokkupa din il-kariga.
F’dan l-aħħar indirizz uffiċjali tiegħu f’waħda mill-ogħla karigi tal-Partit, Zammit Dimech awgura lil Michael PPiccinino li bil-kuraġġ u l-enerġija li għandu, meta jsib ruħu f’din il-kariga,ma joqgħodx iħares lejn interessi personali, imma jħares biss lejn dak li jista jagħmel favur Malta.
Huwa appella biex dawk preżenti jitilqu minn dan il-Kunsill Ġenerali kburin li jiffurmaw parti minn familja u minn Partit li dejjem għamel dak li seta’ favur pajjiżna – mill-Indipendenza għat-tisħiħ tagħha permezz tas-sħubija fl-UE, mid-demokrazija sal-pedamenti soda li waqqaf fl-ekonomija ta’ pajjiżna permezz tat-turiżmu, is-servizzi finanzjarji, is-settur marittimu u l–gaming fost l-oħrajn.
Francis Zammit Dimech sellem lil Chris Peregin u laqgħu fil-familja tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll laqa’ lil ħafna oħrajn li bħal Peregin ingħaqdu mal-Partit fl-aħħar xhur.
Huwa qal li dan jixhed li l-messaġġ tal-Kap tal-Partit Bernard Grech qed iħalli l-frott.
Francis Zammit Dimech irringrazzja lil kull min ħadem miegħu fl-aħħar snin – ħaddiema, volontiera, impjegati tal-media.link, deputati, membri tal-kumitati, membri tal-fergħat, tesserati u ħafna oħrajn filwaqt li sellem lil dawk li servew fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali qablu.
Sellem ukoll lil Kapijiet Ġorġ Borg Olivier, Eddie Fenech Adami, Lawrence Gonzi, Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech u għalaq billi awgura ħidma sfieqa lis-suċċessur tiegħu sabiex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ verament ikun forza politika b’saħħitha li taħdem għall-ġid ta’ Malta u Għawdex kollu.
//= $special ?>