L-ispeaker tal-Kamra qed jagħżel li jagħmilha ta’ watchman u paraventu tal-Gvern.
Din l-analiżi jagħmilha l-editorjal tat-Times of Malta li jispjega kif lir-rwol tal-Ispeaker ta’ dik li hija l-ogħla istituzzjoni f’pajjiżna hija mfassla fuq dik tal-House of Commons fl-Ingilterra. Filfatt il-kariga ta’ speaker fil-Parlament Ingliż hija meqjusta fl-istess livell ta’ importanza ta’ dik tar-reġina.
Għall-Ingliżi, l-indipendenza tal-ispeaker hija l-garanzija għad-drittijiet tal-minoranzi u hu mistenni li min ikun f’din il-kariga iżomm standards impekkabbli ta’ imparzjalità u sens ta’ ġustizzja.
L-editorjal tat-Times jgħid li Anġlu Farrugia, li għandu 66 sena, ilu jipprattika l-liġi 21 sena, u ilu fil-kariga ta’ speaker sa mill-2013. Madankollu, ikompli l-editorjal, Farrugia naqas għal kollox milli jifhem eżatt x’jitlob minnu dan l-irwol u kif inhu mistenni li jżomm għolja d-dinjità ta’ din il-kariga.
F’dawn it-tmien snin, Farrugia naqas milli juri rieda li jżomm għolja l-istandards ta’ ġustizzja u imparzalità. Jidher, ikompli l-editorjal, li aktar moħħu li jisma’ dak li qed jgħidlu sidu, milli li jipproteġi l-indipendenza tal-uffiċju tiegħu. Jippreferi jimbarazza lilu nnifsu, iwaqqa l-isem tal-uffiċju tiegħu, u tal-Parlament, milli jpoġġi lill-Gvern f’pożizzjoni skomda.
L-editorjal isemmi kif din il-ġimgħa stess Farrugia għażel li jtawwal il-proċess fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar billi jitlob li jsiru aktar investigazzjonijiet minbarra dawk li ġa għamel il-Kummissarju għall-Istandards, dwar allegazzjonijiet li d-Deputat Laburista ħadet għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’senersija li ma ddikkjaratx.
Bħala speaker, Farrugia kien irriffjuta wkoll li jipprovdi r-return ta’ taxxa tal-2017 tal-Prim Ministru Robert Abela u qal li għażel li jagħmel hekk ‘fuq pariri legali’. Imbagħad astjena milli jivvota dwar ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards fuq ksur ta’ etika tal-Ministru Carmelo Abela, ċaħad mozzjoni għal dibattitu urġenti fuq l-implikazzjonijiet politiċi fi żviluppi li ħargu mill-investigazzjonijiet fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u kien waqqaf ukoll mistoqsijiet dwar kontijiet offshore tal-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, u dwar l-inkjesta Egrant.
L-editorjal jagħlaq dan is-suġġeriment dwar l-ispeaker: “li wieħed jibda proċess biex jinstab suċċessur xieraq u kompetenti, ma tkunx idea ħażina”.
//= $special ?>