Lokali Qorti

Multa fuq importazzjoni ta’ kannabis grass għal żewġ Ingliżi u Franċiż

Żewġ Ingliżi u Franċiż ġew immultati €1,500 kull wieħed mill-Maġistrat Doreen Clarke wara li ammettew li importaw id-droga kannabis matul din is-sena. Il-barranin li jgħixu Malta kellhom bejn 20 u 50 gramma droga. L-Ingliżi huma wieħed ta’ 33 sena, residenti tal-Ibraġġ li ammetta pusses tal-kannabis f’Marzu li għadda u fix-xhur ta’ qabel, l-ieħor ta’ 36 sena, residenti Birkirkara li ammetta li kellu d-droga fi Frar li għadda u fix-xhur ta’ qabel.

Il-Franċiż li għandu 22 sena u li joqgħod tas-Sliema ammetta kellu d-droga kannabis fi Frar li għadda u fix-xhur ta’qabel. Il-Qorti qieset il-fatt li huma ammettew fi stadju bikri tal-proċeduri u li kkoperaw mal-Pulizija. Ġiet ordnata wkoll id-distruzzjoni tal-imsemmija. droga.

It-tliet barranin jgħixu u jaħdmu Malta. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark A. Mercieca filwaqt li għal Ingliż ta’ 36 sena u l-Franċiż deheru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb. Għal Ingliż l-ieħor deheru l-Avukat Michael Sciriha u Lucio Sciriha.